Miriam Dalli u l-Enemalta jiddiskutu soluzzjonijiet li jistgħu jgħinu l-kwalità tal-arja
Miriam Dalli semmiet kif l-Enemalta tista’ tgħin lil Malta tinvesti aktar fit-trasport elettriku
More in Politika
Miriam Dalli semmiet kif l-Enemalta tista’ tgħin lil Malta tinvesti aktar fit-trasport elettriku
Wara t-tranżizzjoni lejn produzzjoni ta’ enerġija aktar nadifa, l-Enemalta tista’ tgħin biex il-pajjiż jimxi aktar lejn sistema ta’ trasport bl-elettriku. Qalet dan il-Membru Parlamentari Ewropew Miriam Dalli matul żjara li għamlet fil-kumpanija Enemalta plc. Matul din iż-żjara kkummentat b’mod pożittiv ħafna dwar il-mod kif l-Enemalta qiegħed jirnexxilha tbiddel ir-rotta biex tkun aktar sostenibbli sew finanzjarjament u ambjentalment.
L-MEP Maltija, li hija membru fuq il-Kumitati Parlamentari tal-Ambjent u dak tal-Enerġija, enfasizzat ir-rabta li teżisti bejn il-produzzjoni ta’ enerġija aktar nadifa u l-kwalità tal-arja li ngħixu fiha.
Matul laqgħa mal-Executive Chairman tal-kumpanija l-Inġinier Fredrick Azzopardi u l-membri tal-Board tal-Management tal-kumpanija Enemalta, Dr Miriam Dalli semmiet kif il-pass li qed jagħmel pajjiżna li jaqleb il-produzzjoni tal-enerġija għall-Liquified Natural Gas (LNG) jinkwadra preċiżament mal-ħsibijiet tal-Kummissjoni Ewropea li bħala parti mill-Energy Union għandha inkluża strategija biex l-LNG ikun sors alternattiv u importanti ta’ enerġija. “Dan ifisser li Malta qed tkun minn ta’ quddiem biex taqleb għal sorsi aktar nodfa u dan huwa importanti biex pajjiżna jkun low-carbon.”
Miriam Dalli semmiet kif l-Enemalta tista’ tgħin lil Malta tinvesti aktar fit-trasport elettriku. “La darba għandna sitwazzjoni fejn l-elettriku qed jiġi prodott minn sorsi aktar nodfa, nistgħu nagħmlu l-pass li jmiss li naraw kif ninvestu aktar f’karozzi li jaħdmu bl-elettriku billi anke jiżdiedu charging stations u inizjattivi li jgħinu lill-konsumaturi jinvestu aktar f’karozzi ta’ dan it-tip,” qalet Miriam Dalli.
Matul il-laqgħa ssemmiet ukoll il-possibbilità li vapuri li jidħlu f’portijiet Ewropej, inkluz Malta, jaqilbu l-ġenerazzjoni tal-enerġija abbord għall-elettriku minn fuq l-art minflok bl-użu ta’ fuels li ħafna drabi jniġġzu ħafna. “Impenjata li fil-Parlament Ewropew nimbuttaw soluzzjonijiet alternattivi li jistgħu jnaqqsu l-emissjonijiet fl-arja u nemmen li f’pajjiżna nistgħu ukoll nintroduċu inizjattivi li jagħmlu differenza,” qalet Dr Dalli.
Min-naħa tiegħu, l-Inġinier Fredrick Azzopardi sostna li anke għall-Enemalta, it-tnaqqis fl-emissjonijiet huwa importanti. Spjega kif aktar minn sena wara li l-Power Station tal-Marsa ġiet mitfija, l-Enemalta kkonfermat li l-lokalitajiet tal-inħawi qed igawdu minn kwalità ta’ arja aħjar. Skont studji li saru b’kollaborazzjoni mal-Università ta’ Malta f’Jannar ta’ din is-sena, filwaqt li l-ammont ta’ emissjonijiet sulphur dioxide fl-inħawi tal-Marsa naqsu b’madwar 80%, l-emissjonijiet tal-carbon dioxide naqsu b’madwar 761,000 tunnellata.
Saret referenza wkoll għall-investiment ta’ €80 miljun li għamlet l-Enemalta bil-għan li ssaħħaħ is-sistema ta’ distribuzzjoni tal-elettriku. Dan il-proġett, li fi kliem Azzopardi kienu possibbli li jsiru għax l-Enemalta reġgħet bdiet tqum fuq saqajha, jinkludi sitt ċentri ta’ distribuzzjoni ġodda madwar Malta u Għawdex, u l-bini mill-ġdid ta’ tnejn oħra, fost oħrajn.