L-Armata tilqa’ 72 membru fi sfond ta’ €500,000 investiment f’taħriġ militari

Fl-aħħar tliet snin madwar 400 suldat u 30 kadett ingħataw iċ-ċans li jidħlu għal ħajja militari

Il-Forzi Armati ta’ Malta lbieraħ laqgħet 72 membru ġdid  li fosthom 9 huma nisa.  Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela flimkien mal-Kap Kmandant, il-Brigadier Jeffrey Curmi taw merħba lir-rekluti għal bidu ta’ dan it-traġitt militari wara li fl-aħħar ġimgħat għaddew minn programm ta’ taħriġ intensiv.

Il-Ministru Abela semma li huwa ta’ sodisfazzjon li fl-aħħar tliet snin madwar 400 suldat u 30 kadett ingħataw iċ-ċans li jidħlu għal ħajja militari, tant li r-reklutaġġi tal-armata kisbu post fil-kalendarju annwali tal-impjiegi. Huwa tkellem fuq l-impenn tal-Gvern biex jiżdiedu l-fondi lokali allokati għal taħriġ għas-suldati tal-Forza tant li fil-budget ta’ din is-sena ġew allokati madwar €500,000 għal taħriġ speċjalizzat kemm lokali u barra minn xtutna.

Qal li fis-sena 2016, madwar 50 membru ingħata taħriġ f’akkademji militari rinomati barra ’l pajjiż. Dan wara li bejn l-2013-2015 madwar 170 membru ngħata taħriġ f’aktar minn 20 pajjiż differenti għal valur ta’ €660,000.

Żied jgħid kif fuq livell lokali, it-taħriġ offrut mill-Armata wkoll huwa ta’ livell għoli. Din is-sena aktar minn 100 suldat irċieva taħriġ f’ċentru u istituzzjonijiet edukattivi lokali. Aktar minn 100 suldat ieħor ingħata tarħiġ minn tim ta’ esperti f’oqsma differenti li ġew fuq żjara biex iwettqu taħriġ speċjalizzat. Il-ħidma hi kontinwa biex aktar programmi ta’ taħriġ ikunu akkreditati mill-MCAST filwaqt li l-Maritime Safety and Security Training Centre qed topera minn binja state of the art f’Xatt it-Tiben Tal-Pietà. 


 

More in Politika