Mal-gabbani, t-tgerfix u miljun deckchair Kemmuna issa għandha l-'lockers'

....Kemmuna saret bajja privata li trid tħallas €20 bilfors jekk trid tixxemmex fiha...issa fetaħ negozju ġdid tal-lockers ukoll (!!)

Kulħadd bħas-sardin biex igawdi Kemmuna
Kulħadd bħas-sardin biex igawdi Kemmuna

B'rekord fin-numru ta' turisti li qed jiġu pajjiżna f'dawn ix-xhur tas-Sajf Kemmuna, b'mod speċjali l-Blue Lagoon, qed tkun iddominata minn tgerfix, taħwid u nies li litteralment jixxemxu jmissu ma' xulxin. Issa, biex jiżdiedu mad-deckchairs, li invadew kull roqgħa li seta' kien hemm vojta fuq il-gżira, l-gabbani li żdiedu (għalkemm kollha jbiegħu l-istess prodotti) u mal-ħmieġ li jitħalla minn nies mingħajr ma' jitneħħa,  hemm il-lockers ukoll. Għax minħabba li t-tgerfix u d-diżorganizzazzjoni li hemm, ħalliel jisirqek ħaj ma tarahx. Allura, nibnu tinda u nikru l-lockers! Mhux hekk, jew? 

B'hekk issa Kemmuna għandha wkoll sett ta' lockers, ta' daqsijiet differenti u (naturalment) ta' prezz differenti wkoll, fejn tista' tħalli l-handbag jew inkella s-suntan lotion. Il-prezzijiet jibdew minn €10 u jibqgħu tilgħin. 

Din il-biċċa negozju verament kreattiva (!!) tingħaqad mal-fatt li llum, kull min imur l-Blue Lagoon jeħtieġ kważi, kważi bilfors jikri deckchair u forsi umbrella wkoll. Il-prezzijiet jibdew minn €20 u jibqgħu tilgħajn.

Din ir-realtà fuq Kemmuna, li f'dawn l-aħħar snin iggravat ħafna jidher li qed ddejjaq lill-bosta, tant li s-sitwazzjoni ngħatat  attenzjoni partikolari fuq il-media u fuq diversi siti f'dawn l-aħħar jiem. Huma bosta dawk li qed jduru għall-Facebook biex jitfgħu kummenti dwar il-kaos li hemm f'Kemmuna u l-mod kif dan il-post, xi darba wieħed mill-isbaħ f'pajjiżna, sar suq ta' kummerċ bla rażan u ġie litteralment mikul minn dawk li qed jaraw biss fil-post fonti tal-ilma mbierek!

More in Politika