Aġġornat | Vendikazzjoni minn nies tan-naħa t'isfel skont il PN, Investiment u kontijiet irħas skont il PL

Il-PN jisħaq li l-pajjiż m'għandux bżonn Power Station ġdida u jsejjaħ allegazzjonijiet dwar l-konsulenza ta' Nexia BT dwar il-Power Station bil-gass bħala "ferm gravi". Intant il-PL jirrispondi li l-unika rabta fuq il-proġett tal-enerġija hija mal-kontijiet irħas u l-arja iktar nadifa

Il-PN jerġa jisħaq illi l-Power Station tal-gass m'hemmx bżonnha
Il-PN jerġa jisħaq illi l-Power Station tal-gass m'hemmx bżonnha

Fi stqarrija il-Partit Nazzjonalista saħaq li l-Prim Ministru Joseph Muscat għandu jispjega "darba għal dejjem x’inhuma r-rabtiet bejn il-kumpaniji sigrieti li fetħu fil-Panama ċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri u l-Ministru Konrad Mizzi, mal-Power Station tal-gass li, minkejja li pajjiżna m’għandux bżonnha, se jibqa’ jwebbes rasu u jagħmilha xorta waħda."

Il-PN ħareġ din l-istqarrija wara rapport li deher fuq il-ġurnal The Times illi fih kien allegat kif il-Ministru Konrad Mizzi kien appunta lil Nexia BT biex tagħti pariri għall-għażla għall-bini tal-Power Station. Nexia BT kienet ukoll il-kumpanija li assistiet lil Mizzi fil-ftuħ ta' kont u kumpanija fil-Panama. Filwaqt li sejjaħ l-allegazzjoni bħala "ferm gravi" l-PN qal ukoll li mhux aċċettabbli illi l-istess persuna tkun "konsulent tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, tal-Enemalta, awditur tal-konsorzju privat li qed jibni Power Station u anke l-istess persuna li fetaħ il-kumpaniji sigrieti fil-Panama għaċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru u għall-Ministru tal-Enerġija. Dan huwa taħwid li jistieden l-inkwiet u jqajjem riħa tinten ta’ korruzzjoni."

Filwaqt li rrijaferma li l-pajjiż, skontu. m'għandux bżonn power station oħra l-PN temm l-istqarrija billi qal illi l-PM Joseph Muscat, "biex żgur jagħmel vendikazzjoni mal-familji u n-negozji tan-naħa ta’ isfel, qed jibqa’ jwebbes rasu wkoll li jpoġġi t-tanker tal-gass li se jissuplixxi l-Power Station għal 18-il sena sħaħ ftit metri biss ‘l bogħod minnhom."

Intant, fi stqarrija maħruġa mill-Uffiċċju tal-Komunikazzjoni tal-Partit Laburista, ingħad li l-unika rabta fuq il-proġett tal-enerġija hija mal-kontijiet irħas u l-arja iktar nadifa

B'risposta għall-istqarrija tal-PN, il-PL jisħaq li r-rabtiet li qed jipprova jagħmel il-Partit Nazzjonalista b’rabta mal-proġett tal-enerġija huma biss frott l-imaġinazzjoni fertili ta’ Simon Busuttil.

"Il-Kap Nazzjonalista joħroġ b’teoriji qarrieqa bħal dawn għaliex baqa ma fehemx li, fil-qasam tal-enerġija, qed issir bidla pożittiva mis-sitwazzjoni negattiva li ħalla warajh il-Gvern tiegħu, iġifieri kontijiet għolja, dipendenza fuq iż-żejt u Enemalta falluta." jsostni l-PL

Dwar il-kumment ta' Simon Busuttil, fejn qal li pajjiżna m’għandux bżonn powerstation ġdida, il-PL isostni li dan għaliex Busuttil ma jistax jaċċetta li bil-proġett tal-enerġija, pajjiżna seta jagħlaq il-powerstation tal-Marsa, se jwaqqa ċ-ċumnija l-antika ta’ Delimara u se jkollu 90% inqas trabijiet fl-arja.

"Lil Busuttil, qatt ma niżżlitlu li, b’dan il-pjan li stabilixxa kemm se jiffranka pajjiżna mill-ispiża tal-ġenerazzjoni tal-elettriku, dan il-Gvern raħħas il-konitjiet tad-dawl u l-ilma meta hu kien jgħidilna li rridu nidrawhom għoljin."

Għalhekk, l-unika rabta li qed jagħmlu n-nies fuq l-proġett tal-enerġija hija mal-kontijiet irħas u l-arja iktar nadifa, temmiet tgħid l-istqarrija tal-PL.

More in Politika