F’artiklu ppublikat illum Martin Scicluna jiftaħ il-kanuni kollha tiegħu fi kritika pjuttost qawwija kontra l-awtoritajiet ambjentali u tal-iżvilupp tal-pajjiż, inkluż il-Prim Ministru Joseph Muscat. Scicluna, jakkuża lill-Prim Ministru Joseph Muscat, lill-iżviluppaturi, arkitetti tagħhom u l-Awtorità tal-Ippjanar illi b’għemilhom qed iġibu ruħhom bħal “barbari quddiem grada li warajha hemm il-vittmi jaraw l-avvenimenti jseħħu, mingħajr ma jistgħu jirreżistu l-mewġa ta’ kruha u qirda.”
Scicluna, fl-artiklu tiegħu fuq il-ġurnal The Times jagħmel din it-tixbiha f’attakk qawwi fid-dawl tal-permessi li għadhom kemm ħarġu għal bini għoli f’Tas Sliema u fl-Imrieħel, liema żvilupp isejjaħlu “abominazzjoni.” Filwaqt li jagħmilha ċara li kemm Gvern Nazzjonalista tal-passat kif ukoll Gvern Laburista tal-preżent huma ħatja u filwaqt li jfakkar ukoll fis-silenzju “jtarrax tal-Partit Nazzjonalista”, jallega illi fl-iżvilupp li għaddej bħalissa l-aktar fatturi importanti huma r-rgħiba u l-profitt.
Aktar minn hekk iżda, Scicluna, staqsa jekk wasalx iż-żmien li l-għaqdiet ambjentali għandhomx iħeġġu bojkott kontra l-gruppi ta’ Gasan u Tumas, kif ukoll jekk Martin Xuereb u Ray Demicoli, l-arkitetti nvoluti fiż-żewġ proġetti, għandhomx jkunu mwaqqfin milli jidħlu fil-kompetizzjoni għall-Premju ta’ Din l-Art Ħelwa.
Huwa jakkuża lil grupp ta’ nies li jgħid li jaf, għalkemm ma jsemmix b’isimhom, li tilfu kull sens ta’ moral u responsabilità fil-mira tagħhom li jsiru aktar sinjuri. “Huma l-istess nies, bl-istess ġid personali u sfond ta’ dawk li kienu involuti f’kontroversji li niżżlu l-aħħar Gvern Nazzjonalista. L-unika ħaġa li nbiddlet hija l-alleanza politika tagħhom.” Scicluna jakkuża wkoll lil Gasan u lil ta’ Tumas illi fil-passat ma ddejqu xejn jieklu mill-mejda tal-Partit Nazzjonalista u llum qed iħossuhom komdi mal-Partit Laburista u ma’ Joseph Muscat.
X’se jkun il-legat li se jkun ħalla Joseph Muscat? Se jkun legat immarkat bil-‘Panamagate’, bil-konkrit u immarkat b’vandaliżmu arkitettoniku?
Martin Scicluna
Dwar il-permessi għall-bini għoli li ġew approvati Scicluna qal illi dak li qed jieħu l-pajjiż huma “binjiet monolitiċi li qed jagħmlu ħsara fuq il-viżwal tal-pajjiż u se jkunu r-raġuni li ssir ħsara kbira lill-wirt ta’ pajjiżna..huma affront dirett għall-arkittettura tradizzjonali ta’ pajjiżna.”
Huwa jikkritika dak li jsejjaħ “l-ammirazzjoni tal-Prim Minisitru għad-Dubai u jgħid li l-bini għoli huwa r-risposta għal “problema li ma teżistix.”
“Dawn huma proġetti ta’ vanità li mhumiex denji ta’ Prim Ministru li qabel l-elezzjoni wiegħed li se jipproteġi l-ambjent.” Huwa temm jistaqsi “meta nħarsu lura 20 jew 30 sena oħra x’se jkun il-legat li se jkun ħalla Joseph Muscat? Se jkun legat immarkat bil-‘Panamagate’, bil-konkrit u immarkat b’vandaliżmu arkitettoniku u kulturali. Immarkat bit-telf ta’ l-aħħar wirt tal-art u iktar degredazzjoni tal-ambjent mibni u rurali?”