Skema ġdida għar-restawr ta’ postijiet storiċi taħt il-kunsilli lokali
Jibdew ix-xogħlijiet fuq ħames proġetti ta’ restawr b’valur ta’ xogħol ta’ aktar minn €300,000
More in Politika
Jibdew ix-xogħlijiet fuq ħames proġetti ta’ restawr b’valur ta’ xogħol ta’ aktar minn €300,000
Il-ftuħ tat-tieni skema għar-restawr ta’ monumenti, siti jew postijiet storiċi fil-qalba jew il-periferiji tal-lokalitajiet Maltin tħabbret dalgħodu mis-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Stefan Buontempo.
Waqt li kien qed iżur x-xogħol ta’ restawr li qed isir fuq l-Arka Trijonfali ta’ De Rohan f’Ħaż-Żebbuġ—waħda minn ħames proġetti simili li għamlu użu minn fondi pubbliċi allokati fl-ewwel skema mnedija sena ilu—is-Segretarju Parlamentari Buontempo fakkar li beda x-xogħol ta’ restawr b’ valur ta’ madwar €300,000 biex jiġu ppreservati postijiet antiki u/jew storiċi li tressqu mill-kunsilli nfushom. Id-Direttorat tar-Restawr ipproduċa l-ħaddiema u l-materjal kollu għal dan ix-xogħol delikat li mistenni jkun lest fiż-żmien li ġej.
“L-għan ewlieni tal-inizjattiva hu li l-kunsilli jidentifikaw postijiet storiċi fil-lokalitajiet tagħhom u li jistgħu jiġu rrestawrati mid-Direttorat tar-Restawr. Ir-rispons s’issa għat-tieni skema hu wkoll inkoraġġanti u ħafna iżjed kunsilli wrew interess,” tenna Stefan Buontempo. Faċċati ta’ kappelli, fortifikazzjonijiet jew arkitetturi militari fuq skali żgħar, monumenti, niċeċ, statwi u funtani lkoll jistgħu jgawdu mill-fondi allokati.
Buontempo enfasizza li, minħabba li numru ta’ bini u/jew monumenti arkitettoniċi, bħal kappelli, niċeċ, eċċ., huma proprjetà tal-Knisja jew privati, il-kunsilli relevanti jistgħu japplikaw għal restawr wara kunsens bil-miktub mingħand is-sidien u bil-kundizzjoni li jkunu responsabbli għall-applikazzjoni neċessarja, inkluż l-ispejjeż u l-permessi marbutin magħha.
L-iskema l-ġdida, intitolata ‘Restoration Works Scheme for Local Councils’, se tipprovdi wkoll għar-restawr ta’ siti oħrajn ta’ wirt nazzjonali li jiġu identifikati minn kunsilli lokali.
Il-kunsilli lokali diġà ġew notifikati bil-possibbiltà li jibbenefikaw mill-iskema u l-applikazzjonijiet iridu jiġu sottomessi sa nhar l-Erbgħa 31 ta’ Awwissu. Wara li jintagħżlu l-proġetti għar-restawr tkun tista’ ssir l-evalwazzjoni tal-ispejjeż involuti, fondi li jiġu ffinanzjati permezz ta’ din it-tieni skema tal-Gvern.
“Ir-restawr tal-ħames proġetti attwali – l-Arka Trijonfali ta’ De Rohan, f’Ħaż-Żebbuġ; il-Kappella ta’ Santa Luċija, f’Santa Luċija; il-Kappella ta’ San Ġwann tal-Għargħar, f’San Ġwann; il-Kappella ta’ Porto Salvo, fil-Ħamrun; u l-istatwa ta’ Sant’Indrija, f’Ħal Luqa – u dawk li se jgawdu mit-tieni skema hu mill-aktar importanti, għax jippriservahom għall-memorja kollettiva tal-istorja, ġaladarba jirrappreżentaw avvenimenti uniċi storiċi fil-ħajja tagħna u ta’ missirijietna,” qal is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Stefan Buontempo. “B’hekk il-komunità tkun qiegħda tfakkar u ġġedded il-memorji tal-imgħoddi, filwaqt li tindokrahom bl-aħjar mod ħalli jkunu jistgħu jitgawdew anke minn ġenerazzjonijiet li għad iridu jiġu.”