‘Tibqgħux tgħadduna biż-żmien’ - sindku ta’ San Lawrenz

Triq li jgħaddu minnha miljun turist fi stat diżastruż

Wiċċ tat-triq mhux livellat, iwassal li meta tkun ix-xita iżżomm l-ilma għax ma jmurx fejn suppost għandu jmur
Wiċċ tat-triq mhux livellat, iwassal li meta tkun ix-xita iżżomm l-ilma għax ma jmurx fejn suppost għandu jmur

  • Issir triq mill-Imġarr sad-Dwejra u 400 metru fiċ-ċentru ta’ San Lawrenz jitħalla jsaffar
  • Chris Said jgħid li l-Ministru għal Għawdex qal li t-triq mhix prijorità
  • Il-Ministeru jgħid li se ssir fix-xhur li ġejjin

Miljun turist li jżur Għawdex sal-inqas wieħed jittieħed jew imur jieħu ritratt mat-tieqa tad-Dwejra. Iżda qabel jasal s’hemm irid jesperjenza speċi ta’ triq twila 400 metru li twasslu mill-kantuniera tal-Għarb sal-pjazza ta’ San Lawrenz u jrid idur madwar 45 tappiera mqabbżin ’il fuq mit-triq bi 12-il ċentimetru. Kulħadd jipprova jevitahom b’periklu li xi ħadd jitlef il-kontroll u jispiċċa fuq il-bankina.

Iżda barra t-turisti f’San Lawrenz jgħixu wkoll ir-residenti li jinsabu mxebbgħin sal-ponta ta’ mneħirhom b’din is-sitwazzjoni li issa ilha aktar minn 3 snin. Kienet wirt tal-Partit Nazzjonalista u tħalliet hekk mill-Gvern Laburista. Issa r-residenti qed iressqu petizzjoni fuq il-midja soċjali fejn diġà ffirmawha madwar 150 resident.

Il-fatti huma li meta saret it-triq mill-isbaħ bejn l-Imġarr u d-Dwejra mill-fondi Ewropej taħt l-amministrazzjoni Nazzjonalista, it-triq bejn l-Għarb (qrib il-Fgura tal-Għarb) u l-pjazza ta’ San Lawrenz (400 metru triq) tħalliet b’kisja waħda ta’ tarmak, bħalma tħalliet b’kisja waħda t-triq għad-Dwejra. Għaliex ma tkompliex ix-xogħol donnu li ħadd ma jaf.

Għalhekk tkellimna mal-kelliem tal-PN għal Għawdex, Chris Said li mill-ewwel weġibni, “la qed nitkellmu fuq it-triq kif inhi, ovvjament li ma saritx. Waslet l-elezzjoni u l-amministrazzjoni saret dik Laburista li issa ilhom kważi erba’ snin u t-triq għadha kif ħallejnieha aħna. Meta tlabt fil-Parlament lill-Ministru għal Għawdex meta se titkompla t-triq dan weġibni li mhix prijorità. Barra hekk hemm parti minnha bejn il-lukanda u l-Fgura li trid issir kollha għax hi biss magħmula bil-‘patching’. Din tista’ ssir mill-fondi l-ġodda Ewropej għax din tinsab fuq l-iskema TEN-T u tista’ ssir. Kif inhi qed issirilha ħsara kbira” temm il-kelliem Nazzjonalista.

Sadattant aħna kkuntattjajna l-Ministeru għal Għawdex u dawn qalulna li din it-triq qiegħda fil-lista ta’ toroq li se jsiru fix-xhur li ġejjin.

Dwar dan kollu tkellimna mas-sindku ta’ San Lawrenz, Noel Formosa li qalilna li bħala Kunsill Lokali ma jistgħux joħolqu petizzjonijiet iżda jinsab kuntent li r-residenti organizzaw ruħhom u organizzaw din il-petizzjoni. Mistoqsi għaliex ma tkellimx qabel li t-triq ma saritx fi Gvern Nazzjonalista meta hu sindku Nazzjonalist, Formosa qal, “qabel kont iġġilidt mal-Ministru tiegħi, Giovanna Debono dwar it-triq u issa li hemm l-Ministru Refalo se nibqa’ niġġieled  għax din mhix kwistjoni ta’ min hemm fil-gvern, iżda ta’ min għandu l-poter li jirranġa t-triq, għax jien niġġieled favur ir-raħal tiegħi u mhux favur xi partit jew ieħor. Fejn jidħol ir-raħal tiegħu ma jidħol xejn. Aħna l-Kunsill u r-residenti ta’ San Lawrenz għandna obbligu li niġġieldu biex din it-triq issir.

“Inħossni nonqos lill-komunità tiegħi jekk ma niġġilidx għall-istat perikoluż li tħalliet fiha Triq San Lawrenz, li hija responsabbilità tal-Gvern Ċentrali. It-triq jonqosha t-tieni saff ta' tarmak li ilha tistenna għal aktar minn tliet snin. It-tappieri ħafna 'l fuq mit-triq qed joħolqu periklu għalina r-residenti u l-eluf ta' turisiti. TIBQGĦUX TGĦADDUNA BIŻ-ŻMIEN! Aħna ċittadini bħall-bqija tal-Għawdxin! Il-Kunsill ilu ħafna jiġbed l-attenzjoni u ser iżomm responsabbli lil awtorità konċernata minn din it-triq għal kull ħaġa li tista' tinqala'. Sadanittant nisħqu fuq prudenza fis-sewqan. Fejn hemm bżonn niġbed l-attenzjoni għandi niġbidha. Wara kollox għalhekk ħadt il-fiduċja tal-poplu biex inkun l-vuċi tagħhom. Hekk għamilt fil-passat u hekk nibqa' nagħmel.”

Noel Formosa qal li ilhom jgħidulhom mill-Ministeru li se titranġa fix-xhur li ġejjin iżda s’issa għadu kollox kif kien.

Għawdex qed jattira miljun u aktar turist fis-sena u dawn kollha kemm huma jispiċċaw id-Dwejra tant li din id-destinazzjoni fuq Trip Advisor tinsab fl-1 post ta’ dawk li jżuru Għawdex. It-triq kif inhi barra li hi perikoluża, hi wkoll kerha u ma tagħmilx ġieħ lil Għawdex mat-turist.

Barra hekk skont ir-resident ta’ San Lawrenz billi l-wiċċ tat-triq mhux livellat, iwassal li meta tkun ix-xita iżżomm l-ilma għax ma jmurx fejn suppost għandu jmur meta t-triq tkun lesta, għax it-toqob għas-sistema tad-drenaġġ jinsabu ’l fuq mil-livell tat-triq li hemm bħalissa.

More in Politika