"S'issa ma smajt b'ebda raġuni mill-PBS u konvint li m'hemmx waħda ħlief dik politika, għax il-programm kien maħbub minn kulħadd..."
Dan stqarru mal-ILLUM, Salvu Mallia, il-preżentatur tal-programm 'Madwarna', li aktar kmieni dalgħodu ġie mħabbar li dan ġie kkanċellat minn fuq l-iskeda tal-PBS tal-istaġun li jmiss.
Kien Salvu Mallia stess li dalgħodu, bit-tipiku umoriżmu u sarkażmu tiegħu, ħabbar permezz ta' kumment fuq Facebook, li l-programm tiegħu 'Madwarna' ġie kkanċellat minn fuq l-iskeda tal-PBS.
Fil-kumment tiegħu Mallia jiddeskrivi li l-programm tiegħu ġie 'maqtul', flimkien ma dak li Mallia sejjaħ "id-dritt fundamentali tal-opinjoni ħielsa". Mallia temm il-kumment tiegħu billi "seħet is-siegħa u l-mument li qatt ivvota lill dan il-gvern faxxista"
Mallia, dejjem kien kritiku kemm tal-gvern, kif ukoll tal-oppożizzjoni u dan l-aħħar kien ukoll assoċjat mal-Partit Demokratiku ġdid ta' Marlene Farrugia. Għaldaqstant Mallia saħaq li d-deċiżżjoni li jiġi kkanċellat il-programm tiegħu kienet biss waħda politika.
Il-programm 'Madwarna' kien fost l-aktar popolari mal-udjenza Maltija, minħabba l-valur edukattiv tiegħu, li bl-istil umoristiku ta' Mallia, kien ukoll jagħmel dawl fuq il-ħajja, mentalità u kultura tas-soċjetà Maltija.
Fil-kumment tiegħu mal-ILLUM, Mallia saħaq li għadu ma ħa ebda risposta mill-PBS dwar raġuni valida għaliex il-programm ġie kkanċellat issa, meta normalment, fil-kalendarju tal-PBS, il-programmi tal-iskeda jkunu diġà ilhom kollha kkonfermati bħal daż-żmien tas-sena.