L-MEP Comodini Cachia tniedi l-attività EU hackathon
L-ispejjeż tal-parteċipazzjoni se jiġu mħallsa mill-organizzaturi u l-ewwel tliet pożizzjonijiet se jingħataw premju sa’ €5,000.
minn John Busuttil
“Jeħtieġ li mhux biss nużaw l-internet jew li jkollna preżenza onlajn iżda rridu noħolqu wkoll kontenut kreattiv.” L-Ewroparlamentari Maltija Therese Comodini Cachia qalet dan waqt konferenza tal-aħbarijiet organizzata flimkien ma’ NSTF Malta fejn matulha tnediet l-attività EU hackathon 2016. Il-promozzjoni ta’ din l-attività qed issir bl-appoġġ ta’ NSTF Malta, MITA u ICTSA.
Therese Comodini Cachia qed tħeġġeġ liż-żgħażagħ Maltin biex jipparteċipaw fl-attività ta’ din is-sena. “Iż-żgħażagħ Maltin għandhom l-abbilità u l-ħiliet sabiex jipparteċipaw. Huma kapaċi jużaw kompjuter u joħolqu s-software u l-algoritmi li għandhom bżonn. L-EU hackathon hija opportunità biex jiltaqgħu ma’ hackers oħra kif ukoll ma’ rappreżentanti tal-isponsors fosthom Google, dan filwaqt li jinfluwenza lil dawk li jfasslu l-politika.”
Stefan Cutajar qal li l-NSTF Malta, permezz tal-programmi xjentifiċi, ilha attiva fil-promozzjoni tal-edukazzjoni informali tal-iSTEM (Xjenza, Teknoloġija, Inġinerija u Matematika) f’Malta għal dawn l-aħħar 32 sena. “Biex Malta tibqa’ rilevanti fis-swieq globali, irridu naħdmu biex insaħħu l-potenzjal taż-żgħażagħ fis-setturi tal-Informatika u x-Xjenza Diġitali.” saħaq Cutajar.
Kompetizzjonijiet bħalma hija l-EU hackathon huma opportunitajiet mill-aqwa għall-istudenti biex juru l-kapaċitajiet tagħhom, iwessgħu l-għarfien tagħhom u jsir parti integrali mill-pjattaforma trans-kulturali li ssaħħaħ il-komunikazzjoni u l-koperazzjoni fl-Ewropa. L-NSTF temmen li l-coders Maltin għandhom il-ħiliet meħtieġa sabiex ikunu protagonisti fl-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ din l-attività.
L-uffiċjal għar-Relazzjonijiet Pubbliċi tal-ICTSA Kenneth Zerafa kkummenta li l-EU hackathon hija l-aqwa attività għal dawk il-persuni kreattivi biex jaħdmu fuq proġetti innovattivi. Zerafa qal li “l-hackathon trawwem l-ispirtu ta’ grupp u l-innovazzjoni, u bħala ICTSA nħeġġu dawk il-persuni interessati fl-informatika biex jieħdu vantaġġ minn din l-opportunità.”
L-attività ta’ din is-sena se ssir bejn il-15 u s-16 ta’ Novembru li ġej fl-uffiċċji tal-Google fi Brussell. Iċ-ċerimonja tal-għoti tal-unuri se ssir fil-Parlament Ewropew, u bħalma sar is-sena li għaddiet, se tiġi organizzata mill-Ewroparlamentari Maltija Therese Comodini Cachia. L-applikazzjonijiet huma miftuħa sal-1 ta’ Settembru fuq is-sit elettroniku www.euhackathon.eu. L-ispejjeż tal-parteċipazzjoni se jiġu mħallsa mill-organizzaturi u l-ewwel tliet pożizzjonijiet se jingħataw premju sa’ €5,000.
L-EU hackathon hija attività ta’ jumejn li ssir fi Brussell u tgħaqqad flimkien timijiet ta’ coders minn madwar l-Ewropa. It-tema ta’ din is-sena hija Visualising Copyright Evidence, l-għan huwa li tingħaqad id-data u r-riċerka akkademika minn sorsi differenti biex tinħoloq stampa ċara tal-kwistjonijiet fuq il-copyright.
Matul dawn l-aħħar sentejn, Therese Comodini Cachia segwit fil-kumitat għall-affarijiet legali fil-Parlament Ewropew (JURI), l-iżviluppi fuq id-direttiva dwar il-copyright. Fil-ġimgħat li ġejjin, il-Kummissjoni Ewropea se tħabbar l-abbozz għad-direttiva l-ġdida dwar il-copyright.