Waqt laqgħa li bdiet tard ilbieraħ wara nofsinhar u li intemmet tard bil-lejl, il-Gvern ta’ Malta rappreżentat mill-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis u l-Union of Cabin Crew (UCC) rappreżentata mill-membri kollha tal-Kumitat, b’sodisfazzjon il-partijiet laħqu ftehim bejniethom li jħares l-interessi tal-Gvern bħala l-azzjonist ewlieni tal-linja nazzjonali tal-ajru AirMalta, l-interessi tal-cabin crew, il-futur tal-istess kumpanija u l-ħaddiema kollha tal-AirMalta.
Fi stqarrija, il-Gvern jirringrazzja lill-UCC għall-kooperazzjoni tagħha li tawgura tajjeb sabiex tiġi aċċertata il-vijabilità kummerċjali tal-linja nazzjonali tal-ajru. Il-Ministru Zammit Lewis irringrazzja wkoll lil President Emeritu George Abela, liċ-Chairperson Maria Micallef u lic-Chief Officer HR Roberto Cristiano, tal-koperazzjoni kontinwa u l-professjonalità tagħhom.
Il-UCC min-naħa tagħha tingħaqad f’dan l-awguri u tirringrazzja lil kull min għen f’dan il-ftehim, partikolarment lill-avukat taghha, Ian Spiteri Bailey. Sostniet li dan hu l-ewwel pass u l-UCC thares ’il quddiem biex tikkonkludi l-ftehim finali fl-interess tal-membri tagħha.