Fi stqarrija il-Federazzjoni tal-Aġenti tal-Ivvjaġġar (FATTA) , filwaqt li reġgħu sostnew il-qbil tagħhom għal alleanza bejn l-Airmalta u linja tal-ajru oħra, fakkru illi l-linja nazzjonali tird tibqa' mutur għall-industrija turistika lokali.
Airmalta bħala feeder airline ma tħallix ritorn, spjegat il-FATTA. "L-Airmalta, tħalli biss il-frott, anke jekk indirettament, billi sservi ta' mutur għall-industrija turistika, speċjalment għal dawk l-oqsma li żviluppaw fl-aħħar snin."
Il-FATTA sostniet illi filwaqt li taqbel illi l-Gvern jassorbi l-ħaddiema żejda fis-settur pubbliku u li jagħmel tajjeb għad-dejn ta' €66 miljun, "imma din ma tkunx tagħmel sens jekk l-Airmalta isir 'feeder airline''. B'reazzjoni għal rapporti li dehru iktar kmieni din il-ġimgħa fuq il-ġurnal The Sunday Times il-FATTA qalet li jekk l-Airmalta tbiddel id-direzzjoni tagħha biex ikun hemm aktar negozju lejn in-nofsinhar tal-pajjiż, "dan jitfa' l-linja tal-ajru lura." Il-Ministru tat-Turiżmu ċaħad b'mod kategoriku illi b'xi mod il-Gvern qed jippjana li jiddirezzjona l-linja tal-ajru lejn in-nofsinhar ta' Malta, għad-detriment ta' destinazzjonijiet oħrajn Ewropej.