Ryan Callus u r-rappreżentanta tal-NGOs jivvotaw kontra l-proġett tal-Universita' f'Bormla

...ir-rappreżentant tal-PN fl-Awtorità tal-Ippjanar jgħid li ma jistax jivvota fuq proġett li parti minnu se jinbena fuq ODZ ... Il-Kap Eżekuttiv tal-PA ifakkar illi dan mhux l-ewwel każ fejn il-parkeġġ ma kienx inkluż fl-applikazzjoni 

Il-post fejn se ssir l-Università Amerikana ta' Malta • Ritratt: Ray Attard
Il-post fejn se ssir l-Università Amerikana ta' Malta • Ritratt: Ray Attard

L-Awtorità tal-Ippjanar approvat il-permess għall-iżvilupp ta' kampus f'Bormla li se jkun qed jiġi żviluppat mill-grupp Sadeen. Dan sar wara li kienet ippreżentata Masterplan għas-sit kollu kemm hu. 

Fost dawk li vvutaw kontra l-proġett kien hemm id-Deputat Nazzjonalista u r-rappreżentant tal-Oppożizzjoni fl-Awtorità tal-Ippjanar Ryan Callus, flimkien mar-rappreżentant tal-Għaqdiet mhux Governattivi (NGO). It-tnejn oġġezjonaw għal dak li sejħu 'trattament preferenzjali', filwaqt li saħqu illi l-kwistjoni tal-parkeġġ kellha tkun indirizzata qabel ma kien approvat il-permess.  Huwa oġġezzjona wkoll għall-fatt li parti mill-proġett, anke jekk mhux f'Bormla, huwa f'art barra ż-żona ta' żvilupp. 

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Johann Buttigeg saħaq illi numru ta' proġetti qabel l-università f'Bormla u li kienu approvati taħt Gvernijiet Nazzjonalisti resqu quddiem il-PA qabel ma kien hemm pjan ta' parkeġġ. 

Min-naħa tiegħu iżda l-arkitett Edwin Mintoff żvela illi l-Master Plan għaż-żona kollha se tindirizza ż-żona b'mod komprensiv u għalhekk se tevalwa l-proviżjoni ta' parkeġġ fiż-żona. Mintoff ikkonferma li s-sit magħruf bħala l-parkeġġ ta' San Pawl se jkun biżżejjed biex jaqdi l-bżonnijiet tal-parkeġġ fiż-żona, bil-proġett b'kollox. 

Iċ-Ċermen tal-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi Victor Axiaq, minn naħa tiegħu, esprima l-appoġġ totali tiegħu għall-proġett għalkemm esprima xi riżervi , fosthom dwar il-mod kif l-applikazzjoni għall-proġett kienet qed tidher quddiem l-awtorità qabel ma kien iffinalizzat il-Master Plan għaż-żona, huwa staqsa wkoll jekk l-approvazzjoni tal-proġett ikunx ifisser li ma jkunx hemm bżonn ta' studju fuq l-impatt ambjentali.  Axiaq insista wkoll li jkun hemm l-approvazzjoni ta' pjan għall-immaniġġjar tal-iskart. 

L-approvazzjoni tfisser li se jinbena sular ieħor fuq dawk diġà eżistenti fuq il-British Building fejn se jsir l-iżvilupp, filwaqt li l-iżvilupp tal-istess bini se jkun qed jitressaq quddiem l-awtorità f'applikazzjoni li se tersaq quddiem l-Awtorità aktar tard. Il-proġett se jinkludi wkoll restawr u l-ġenerazzjoni sħiħa tal-post, wara li sar il-proġett tal-Baċir  Numru wieħed f'Bormla. 

 

 

 

 

More in Politika