il-PN u l-futur tal-Air Malta...

Il-PN iħeġġeġ li l-Gvern m’għandux iċedi l-kontroll finali fuq id-deċiżjoni ta’ kif u meta jinbidlu r-rotot tal-Air Malta

Il-PN iħeġġeg lill-Gvern biex ma jċedix il-kontroll finali fuq id-deċiżjoni ta’ kif u meta jinbidlu r-rotot tal-Air Malta
Il-PN iħeġġeg lill-Gvern biex ma jċedix il-kontroll finali fuq id-deċiżjoni ta’ kif u meta jinbidlu r-rotot tal-Air Malta

Fid-dawl tal-aħħar żviluppi rappurtati dwar il-futur tal-Air Malta, il-Partit Nazzjonalista jħeġġeġ lill-Gvern biex ma jaċċettax li l-Air Malta tnaqqas ir-rotot point-to-point tagħha, u taħt l-ebda ċirkostanza ma jċedi l-kontroll finali fuq id-deċiżjoni ta’ kif u meta jinbidlu dawn ir-rotot.

Il-Partit Nazzjonalista jħeġġeġ ukoll lill-partitjiet kollha nvoluti fid-diskussjonijiet biex jaħdmu flimkien u jiġbdu ħabel wieħed li jwassal għal tkabbir tal-Air Malta u titneħħa l-inċertezza għall-ħaddiema u l-familji tagħhom. Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista jħoss li sabiex id-deċiżjonijiet li jittieħdu jkunu aktar milqugħa minn kull settur involut, huwa importanti li:

L-imsieħba prinċipali, ewlenin fosthom l-erba’ unions, jingħataw l-istampa kollha ta’ fejn u kif il-Gvern qiegħed jipproponi li jbiddel l-Air Malta, b’mod partikolari l-business plan propost mill-Alitalia. Din l-informazzjoni hija kruċjali sabiex il-unions ikunu jistgħu jiżnu d-direzzjoni li jagħtu lill-ħaddiema fil-kuntest tad-diskussjonijiet li bħalissa għaddejjin. Dan ukoll għandu jservi biex tiġi evitata kull spekulazzjoni li jista’ jkun hemm dwar dak li jista’ jew ma’ jistax jiġri lid-diversi setturi ta’ ħaddiema.

Il-Gvern għandu jbiddel il-mod ta’ kif qiegħed jifthiem mal-unions u jmexxi d-diskussjonijiet mal-erba’ unions flimkien sabiex ikun hemm aktar konverġenza bejn kull settur ta’ ħaddiema. Il-ħaddiema huma kollha impjegati tal-istess ażjenda u għalhekk fiċ-ċirkostanzi preżenti jkun aktar għaqli li kull settur ikun jaf x’qiegħed jiġi miftiehem ma’ kull settur ieħor. 

Kif għamel fl-aħħar xhur, il-Partit Nazzonalista se jibqa’ jikkontribwixxi l-proposti u l-ideat tiegħu għall-futur tal-linja tal-ajru bil-għan li din tkompli tikber u mhux titnaqqar, aktar u aktar fid-dawl tal-istat tas-suq turistiku ta’ pajjiżna. 

Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jisħaq li għalkemm m’għandu l-ebda oġġezzjoni li jiddaħħal sieħeb strateġiku, dan m’għandux iwassal biex nofs l-ishma fl-Air Malta jingħataw lill-Alitalia, mingħajr din ma tagħmel ebda tisħiħ fil-kapital tal-kumpanija; mhux lanqas għaliex dan mhux dak li wiegħed il-Partit Laburista. Il-preferenza tal-Partit Nazzjonalista tibqa’ li jsir investiment lokali biex b’hekk jissaħħaħ il-bażi kapitali tal-Air Malta u fl-istess waqt il-kumpanija tkun tista’ tkompli tħares l-interess turistiku u ekonomiku lokali, inkluż tal-ħaddiema tagħha li bħalissa qed jiffaċċjaw inċertezza kbira.

More in Politika