Min hu kriminal, postu l-ħabs, mhux Kastilja
Simon Busuttil qal li The Malta Independent għandha raġun tgħid li l-Prim Ministru kien jaf b’dan kollu
More in Politika
Simon Busuttil qal li The Malta Independent għandha raġun tgħid li l-Prim Ministru kien jaf b’dan kollu
Dak żvelat minn The Malta Independent ikompli jikkonferma kemm l- allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni dwar il-visas mediċi huma allegazzjonijiet serji. “Dak li qed jiġri huwa allarmanti għaliex hawn għandna attività kriminali u rabta diretta ġdida ma’ Kastilja. Dan ifisser rabta bejn il- kriminalità u l-poter - rabta li kienet diġà ħarġet fl-iskandlu tal-Panama u issa regħet ħarġet fi skandlu ġdid. Min hu kriminal, postu l-ħabs, mhux f’Kastilja,” qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt kollegament telefoniku fuq Radio 101.
Hu spjega x’hemm ħażin f’dak li qed jiġi allegat: xi ħadd li jaħdem f’Kastilja xxaħħam biex joħroġ visas mediċi lill-Libjani, jiġifieri lil nies li suppost jiġu Malta għall-kura. Simon Busuttil semma numru ta’ raġunijiet għaliex dan kollu hu ħażin:
1. li tixxaħħam hija korruzzjoni: min hu korrott huwa kriminal u postu l-ħabs. Il-prova tal-korruzzjoni toħroġ tajjeb fir-rapport ta’ Il-Mument li jgħid li l- flus li għaddew, qatt ma daħlu fid-Dipartiment tas-Saħħa;
2.li tixxaħħam fuq visas mediċi huwa sfruttament ta’ nies vulnerabbli: li tapprofitta ruħek minn nies fil-bżonn huwa l-agħar forma ta’ ħażin;
3. hemm theddida għas-sigurtà: la hemm tixħim biex jinħarġu l-visas, sinjal li ma hemmx biżżejjed kontrolli tas-sigurtà, u allura, biex jiffangaw, qed jheddu s-sigurtà tagħna;
4.t-tkasbir ta’ isem pajjiżna: dan l-iskandlu diġà qiegħed fil-media internazzjonali;
5.l-awtoritajiet, b’mod partikolari l-Pulizija u l-Avukat Ġenerali, ma ħadux passi u baqgħu b’ħalqhom magħluq: Simon Busuttil għamel appell dirett lill-Kummissarju tal-Pulizija u lill-Avukat Ġenerali biex f’ġieħ l-interess nazzjonali, jieħdu passi. “Tħallux il-pajjiż jaqa’ f’dan il-livell baxx ta’ illegalità. Jekk mhux kapaċi tieħdu passi jew qed tibżgħu tieħdu passi, allura warrbu, imma tħallux aktar il-pajjiż f’dan l-istat,” qal Simon Busuttil.
6.dawn l-affarijiet qed jiġru bil-barka sħiħa ta’ Kastilja, jiġifieri tal-Prim Ministru Joseph Muscat, taċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri u tal- Ministru Konrad Mizzi: kull fejn hemm skandlu ssib l-isem ta’ dawn it- tlieta. Mhux talli hekk, talli flok jinvestigaw, l-istorja qed jiprovaw joqtluha u allaħares min jitkellem fuqha. “Mhux talli Kastilja mhix tiġġieled il- korruzzjoni, talli qed tiprova taħbiha, tgħattiha u thedded lil min jiprova jikxifha,” qal Simon Busuttil.
Simon Busuttil qal li The Malta Independent għandha raġun tgħid li l-Prim Ministru kien jaf b’dan kollu. Dan peress li sena ilu, waqt laqgħa tal-Kumitat tas-Sigurtà, l-Kap tal-Oppożizzjoni kien qajjem il-każ u qal li kien hemm xniegħat dwar tbagħbis fil-ħruġ tal-visas mediċi. Madanakollu, ma ngħatat ebda risposta.