Anton Refalo jwieġeb lil Samwel Azzopardi
Refalo qatt ma uża l-kelma 'projbita' meta semma s-sustanza
minn John Busuttil
Anton Refalo xtaq jiċċara xi fatti mill-intervista li Samwel Azzopardi taha lill-ILLUM dwar il-libell li fetaħ lill-Anton refalo. Il-Ministru għal Għawdex qal, "Hi gidba faħxija li jingħad li jien għidt li Samwel Azzopardi kien qed isuq taħt l-influwenza ta’ sustanzi projbiti. Nitolbok tiċċekkja sew l-istqarrija tiegħi. Li għidt jien hu li allegatament Samuel Azzopardi kien qed isuq taħt influwenza ta’ sustanza u ta hekk hu nstab ħati. Ma wżajt qatt il-kelma ‘projbita’ u di piu kont ħafna korrett għax il-kelma li wżajt kienet ‘allegatament’ għax naturalment meta ħarġet l-istqarrija s-sentenza kienet għada ma ngħatatx u Samuel kien irrifjuta li jagħmel t-test rikjest mill-liġi u għalhekk ħadd ma kien jaf x’inhi s-sustanza sakemm instabet ħtija ta’ sewqan taħt influwenza ta’ alkoħol."
X'qal Azzopardi fl-Intervista mal-ILLUM
Samwel Azzopardi fetaħ libell lil Ministru għal Għawdex, Anton Refalo dwar dan il-każ, “M’għamilt libell lill-ebda ġurnalist, lanqas lil dawk il-ġurnalisti li kitbu li ammettejt li soqt taħt l-influwenza tal-alkoħol, avolja mhux vera. Jien ammettejt biss li ma ridtx nieħu l-breathalyser test. Iżda ħassejt li lil Ministru Anton Refalo niftaħlu libell għax hu ħass li joħroġ stqarrija fejn qal li jien kont qed insuq taħt sustanzi projbiti. Jidher li hu ħareġ l-istqarrija għax il-kap tal-oppożizzjoni fl-istess żmien kien talab ir-riżenja tiegħu dwar il-każ tiegħu li kien ħabat b’karrozza mhux inxurjata. Jien ma kellix x’naqsam x’qal il-kap tal-partit dwaru iżda hu dehrlu li jattakka l-każ tiegħi. Jien meta rriżenjajt ma kontx naf li kien hemm każ ta’ Refalo u lanqas irriżenjajt biex nidher sabiħ u nitfa pressjoni fuqu biex jagħmel l-istess. Ippostja l-istqarrija fil-facebook u fost dawk li għaddew il-kummenti kien hemm min staqsa xi tfisser sustanzi projbiti u kien hemm min wieġeb li kont taħt l-effett tad-droga. Kont ktibt lil Anton refalo biex ineħħi l-post iżda ħalliha hemm u ma rtirahiex u b’hekk għamiltlu l-libell.”
Samwel Azzopardi kompla jgħid li din kienet inġurja kbira għalih għax hu voluntier favur id-dipendenti tad-droga u ilu jagħmel dan ix-xogħol mingħajr daqq ta’ trombi għal snin sħaħ. “Anton ma kkritikanix għax irriżenjajt u erġajt aċċettajt li nieħu l-kariga għax kieku kont naċċetta l-kritika dwar il-ħajja pubblika tiegħi. Iżda hu kkritika l-ħajja personali tiegħi u dik ma naċċettaha qatt.”
Nota mill-ġurnalist:
Kull ġurnalist jikteb dak li jgħidulu u juża l-ġudizzju tiegħu kif ifiehem dak li ntqallu lil qarreja tiegħu. Irrid niddikjara li Samwel Azzopardi ma' wżax il-kelma 'projbiti' (fil-fatt il-Ministru Refalo għandu raġun meta qed jgħid li hu ma wżax il-kelma projbiti fl-istqarrija tiegħu). Iżda rrid ngħid ukoll li meta ġejt biex nikteb l-intervista, Samwel Azzopardi qalli li Refalo fl-istqarrija kiteb li kien qed isuq taħt l-influwenza ta' sustanza. Għalhekk jiena fhimt li din riedet tkun sustanza projbita biex ittella l-qorti fuqha għax inħoss li bniedem li jixrob il-juice tal-frott ukoll qed jieħu sustanza bħal kull vitamina oħra, iżda ma tittellax il-qorti għax tkun taħt effett ta' sustanza (vitamina). Jiena fhimt li la ttella l-qorti ried ikun taħt sustanza projbita u kien għalhekk li ktibt hekk. Din hi kif fhimtha jien bħala ġurnalist u mhux biex nitfa xi dell ikraħ fuq xi naħa jew oħra. :- John Busuttil