'L-industrija tal-loġistika... potenzjal li tkun waħda mill-pilastri ekonomiċi għal Malta...'

Dan qalu l-Ministru Chris Cardona dwar il-potenzjal li l-Industrija tal-loġistika għandha għal ekonimija ta' Malta

Il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar, Chris Cardona llum kellu laqgħa ma’ l-ewwel Logistics Business Committee mmexxi mill-President Robert Aquilina, li twaqqaf fi ħdan il-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija. 

Il-Ministru Cardona esprima s-sodisfazzjon tal-Gvern għal inizjattiva tal-Kamra tal-Kummerċ li stabbilixxit sezzjoni ġdida iffukata fuq is-settur tal-loġistika. It-twaqqif ta’ din is-sezzjoni tikkonferma r-relazzjoni tajba li teżisti bejn il-Kamra tal-Kummerċ u l-Gvern hekk kif it-tnejn irrikonnoxxew kif is-settur tal-loġistika huwa wieħed li jrid jingħata l-attenzjoni mistħoqqa f’pajjiżna.

Waqt din il-laqgħa ta’ introduzzjoni, il-Ministru Cardona ħabbar kif il-Malta Enterprise flimkien mal-Privitization Unit, qed jiffinalizzaw l-aħħar preparamenti biex tinħareġ is-sejħa internazzjonali għal min hu interessat imexxi ċentru ta’ loġistika fuq sit li ġie iddentifikat f’Ħal-Far. F’dan ir-rigward qed isiru konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati, mhux l-inqas issa wkoll ma’ din is-sezzjoni ġdida fi ħdan il-Kamra tal-Kummerċ.

Il-viżjoni tal-Gvern f’dan is-settur mhijiex limitata biss għal dan iċ-ċentru tal-loġistika, iżda testendi għall-inizjattivi oħrajn. Il-Malta Enterprise filfatt għaddejja b’diskussjonjiet biex ikunu identifikati siti oħrajn li jistgħu jservu għal dan l-iskop, ħalli fi żmien li ġej pajjiżna jkun trasformat ukoll f’ċentru tal-loġistika fil-Mediterran.

Il-Ministru Cardona qal kif l-Gvern flimkien mal-Malta Enterprise, qed iħares ’l quddiem biex jikkollaboraw mal-Kamra tal-Kummerċ, ħalli jassiguraw li din il-vizjoni komuni ssir realtà. Hekk kif pajjiżna qed jikseb riżultati ekonomiċi bla preċident, il-Gvern kommess li jkompli jsostni dan it-tkabbir ekonomiku b’ħarsa lejn dan is-settur, flimkien mal-edukazzjoni u l-life sciences. Il-Ministru Cardona qal li bl-istess mod kif kien attirat investiment fi proġetti bħal American University of Malta u l-Barts Medical School, dan is-settur mistenni jħajjar investiment sinifikanti għall-pajjiżna.

“Jekk bħala pajjiż se nkomplu nimmassimizzaw il-potenzjal li għandu pajjiżna, m’għandniex għalfejn niddubitaw mill-kapaċità li bħala pajjiż inżommu dan ir-ritmu ekonomiku li qbadna,” qal il-Ministru Cardona.

Finalment, il-Ministru awgura lil l-ewwel kumitat ta’ din is-sezzjoni u irringrazzjahom bil-quddiem tal-koperazzjoni li se jagħtu lil Gvern, biex din il-viżjoni komuni tiġi trasformata f’realtà, kemm għall-benefiċċju tal-operaturi ekonomiċi u fuq kollox għall-ħaddiema Maltin u l-familji tagħhom.

More in Politika