Is-Segretarju Parlamentari Dr Ian Borg dalgħodu żar ix-xogħlijiet fuq il-proġett favur il-konservazzjoni tal-ilma fiż-żona tan-Nigret, ir-Rabat Malta, li issa jinsabu għaddejin b’ritmu mgħaġġel.
Dan il-proġett se jkun qed jagħti bidu għal riġenerazzjoni sħiħa taż-żona msemmija. Il-proġett jikkonsisti f’dik li sa ftit taż-żmien ilu kienet sempliċiment roundabout enormi u li issa qed tiġi mibdula f’żona ta’ rikreazzjoni. Fost affarijiet oħra l-proġett mistenni jinkludi ġnien u playing area għat-tfal, żieda fil-parkeġġ iżda fuq kollox, ċentru ta’ informazzjoni fuq il-konservazzjoni tal-ilma. Dr Borg qal li l-viżitaturi se jkunu qed jingħataw esperjenza interattiva fuq l-isfida li jiffaċċjaw il-gżejjer Maltin fis-settur tal-ilma, filwaqt li jilqa’ fih esibizzjonijiet perjodiċi u laqgħat informattivi għall-pubbliku fuq kwistjonijiet relatati mal-ilma. Is-Segretarju Parlamentari spjega kif dan iċ-ċentru se jkun qed jinkludi wkoll aspetti edukattivi hekk kif se jkollu ‘mixja xjentifika’ fejn it-tfal jingħataw esperjenza hands-on fuq strumenti ta’ kejl tal-ilma u attivitajiet oħra relatati mal-ilma.
Dan il-proġett ta’ riġenerazzjoni, li qed jiġi ffinanzjat grazzi għall-Fondi Norveġiżi u l-Unjoni Ekonomika Ewropea magħrufa aħjar bħala n-Norway/EEA Grants, ser jiswa madwar €1.5miljun ewro u mistenni li jitlesta sa April 2017. Il-proġett qed jitmexxa mill-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru li fost oħrajn huwa responsabbli mill-Kampanja Nazzjonali għall-Immaniġġjar aħjar u Konservazzjoni tal-Ilma.
Waqt din iż-żjara s-Segretarju Parlamentari Ian Borg ħabbar ukoll uffiċjalment li Malta kellha l-ogħla rata ta’ assorbiment fost il-Membri Stati kollha tal-UE mill-programm 2004-2009 - dik ta’ 98.7% mit-total ta’ €4.5 miljuni li kienu disponibbli għal Malta taħt dawn l-istess Fondi. Il-proġetti kollha huma lesti u formalment magħluqa mill-Uffiċju tal-Mekaniżmu Finanzjarju fi Brussell. Dr Borg spjega li total ta’ 7 proġetti kienu ffinanzjati mill-Fondi Norveġiżi li jinkludu l-MasterPlan taċ-Ċittadella, il-konservazzjoni tal-Ipoġew f’Ħal Saflieni u anke l-proġett ta’ Park Naturali fi Xrobb l-Għaġin.
Dr Borg irringrazzja l-ħidma tal-Funds and Programmes Division fi ħdan il-PPCD li tiġġestixxi dawn it-tip ta’ fondi waqt li temm jgħid li l-allokazzjoni fil-Programm il-ġdid ta’ Fondi 2014-2021 ser tkun qed tiżdied bi €3 miljuni oħra u awgura li proġetti oħra simili jinbtu f’żoni differenti tal-pajjiż.