Fi stqarrija l-Gvern innota kif għat-tieni xahar konsekuttiv 'Malta baqgħet il-pajjiż bl-inqas rata ta’ qgħad madwar l-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, fix-xahar ta’ Lulju, pajjiżna kiseb rekord ġdid fil-ġlieda kontra l-qgħad billi, għall-ewwel darba fl-istorja, ir-rata ta’ qgħad waqgħet taħt l-4%.'
Il-Gvern kompla jgħid li filwaqt li matul il-leġiżlatura preċedenti 'bħala medja r-rata ta’ qgħad f’pajjiżna kienet tlaħħaq is-6.5%, skont il-Eurostat f'Lulju li għadda pajjiżna kellu rata ta’ qgħad ta’ 3.9%, dan meta, madwar iż-Żona Ewro, il-qgħad laħħaq l-10.1%, jew aktar mid-doppju tar-rata f'pajjiżna. Ir-rata ta’ qgħad f'Malta hija 0.3% inqas minn dik fil-Ġermanja, il-pajjiż li jitqies bħala l-mutur ekonomiku tal-Unjoni Ewropea. Fil-bidu ta’ din l-amministrazzjoni, Malta kellha rata ta’ qgħad punt perċentwali ogħla mill-Ġermanja.'
Fattur ewlieni wara t-tnaqqis fil-qgħad kien is-suċċess ta’ skemi biex aktar żgħażagħ jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Filwaqt li fil-leġiżlatura li għaddiet il-qgħad fost iż-żgħażagħ ġieli qabeż is-16%, skont il-Eurostat, pajjiżna llum għandu rata inqas min-nofs. B'rata ta’ 7.1%, pajjiżna għandu l-inqas rata ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ fl-Unjoni Ewropea.
Filwaqt li l-Kap tal-Oppożizzjoni kien bassar rata ta’ qgħad ogħla minn 7%, fakkar il-Gvern, il-Eurostat qed turi l-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja ta’ pajjiżna u l-inqas fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. Fix-xhur li ġejjin, il-Gvern ser ikompli bil-ġlieda kontra l-qgħad, biex jitkattar u jinxtered aktar il-ġid f'pajjiżna.