L-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi insista li d-deċiżjoni li l-festi pubbliċi li jaqgħu fuq ġurnata li tiġi fi tmiem il-ġimgħa ma jibqgħux jingħataw bħala ġurnata leave, kienet waħda ġusta u propizja għas-sitwazzjoni tal-pajjiż dak iż-żmien. Gonzi kien qed jireaġixxi għall-proposta tal-GWU li qed titlob lill-Gvern preżenti biex jerġa jagħti dawn il-ġranet ta' festi pubbliċi lura bħala ġranet ta' leave.
Il-miżura li kien daħħal Gvern Nazzjonalista mmexxi minn Gonzi kienet qajmet reazzjoni negattiva minn bosta, l-aktar fid-dawl li ġiet fiż-żmien fejn kienu qed jittieħdu miżuri oħrajn meqjudin bħala awsteri. Dak kien iż-żmien meta l-Gvern Nazzjonalista kien qed imexxi lill-pajjiż lejn sħubija fiż-żona ewro u għalhekk kien jeħtieġ li jittieħdu miżuri buex ikun ikkontrollat id-defiċit.
F'kummenti li ta' lil ġurnal The Times l-eks Prim Ministru Gonzi qal li din il-miżura kienet 'parti importanti minn strateġija usa ddiżinjata biex biex iżżid il-kompetitività.' Mal-istess ġurnal Gonzi qal illi l-miżura kienet se tiġġenera 2% aktar fi produttività.' Huwa fakkar kif dak iż-żmien iż-żejt kien $148-il barmil u li kien permezz tal-ħidma tal-Gvern li mexxa li l-pajjiż ħareġ mill-kriżi finanzjarja 'b'ħafna deċiżjonijiet diffiċli.' Gonzi qal li filwaqt li japprezza l-irwol tas-soċjetà ċivili, appella biex ħadd ma jippromovi deċiżjonijiet populisti.
Il-GWU saħqet illi l-festi pubbliċi għandhom jingħataw lura bħala ġranet ta' leave, anke jekk dan ikun b'mod gradwali.