Il-Partit Nazzjonalista, fi stqarrija sostna li fid-dawl ta’ diversi rapporti li l-persuna li għandha d-dettalji kollha tal-iskandlu tal-visas mediċi lill-Libjani qed jiġi mhedded u ppersegwitat mill-Pulizija, din il-persuna tingħata l-protezzjoni kollha neċessarja.
"Id-dettalji li għandha din il-persuna huma kruċjali biex il-Pulizija tkun f’pożizzjoni li tinvestiga fid-dettall dan l-iskandlu li fih huma involuti uffiċjali għolja fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru f’Kastilja. Il-fatti ppubblikati huma wkoll diġà evidenza biżżejjed biex l-investigazzjoni tal-Pulizija twassal għal akkużi serji," tkompli tgħid l-istqarrija tal-PN.
Għaldaqstant, il-PN insista li l-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali għandhom, b’mod immedjat, jieħdu kull pass neċessarju, biex jagħtu l-protezzjoni lill-persuna li qed jagħti d-dettalji ta’ dan l-iskandlu, u fl-istess ħin jinvestigaw lil min allegatament kien involut f’din il-korruzzjoni.
"It-theddid u intimidazzjoni lill-persuna li għandha d-dettalji ta’ dan l-iskandlu huma atti faxxisti li huma kkundannabbli. Is-serjetà titlob li anke min qed jagħmel dawn l-atti, jwieġeb ta’ għemilu quddiem il-ġustizzja ta’ pajjiżna," temm jgħid il-Partit Nazzjonalista.