Iridu li Triq Reġjonali f'Santa Venera tissaqqaf
'Ta' kuljum u l-ħin kollu, dawn ir-residenti huma esposti għad-dħaħen u storbju kontinwu tal-karozzi' jgħidu ż-żgħażagħ tal-Alternattiva
More in Politika
'Ta' kuljum u l-ħin kollu, dawn ir-residenti huma esposti għad-dħaħen u storbju kontinwu tal-karozzi' jgħidu ż-żgħażagħ tal-Alternattiva
Alternattiva Demokratika Żgħażagħ sejħet biex Triq Reġjonali f'Santa
Venera titgħatta. ADŻ sostniet illi kienu r-residenti nfushom illi
talbu lil ADŻ biex tintervjeni. ADŻ saħqet illi r-residenti għandhom
jingħataw widen.
Il-Kelliem għal ADŻ Marc'Andrea Cassar, li hu wkoll resident ta' Santa
Venera stqarr illi fil-passat kemm kandidati kif ukoll uffiċjali
tal-AD kienu sejħu biex din it-triq titgħattha billi tissaqqaf.
Madanakollu, s-sejħiet tagħna waqgħu fuq widnejn torox. Skont Cassar,
reġa' wasal iż-żmien sabiex din il-kwistjoni terġa' titpoġġa fuq
l-aġenda tal-lokalità.
Cassar kompla jsostni li:"Hemm numru sew ta' residenti li jgħixu fuq
din it-triq. Ta' kuljum u l-ħin kollu, dawn ir-residenti huma esposti
għad-dħaħen u storbju kontinwu tal-karozzi. Jekk it-triq titgħatta
mil-mina ta' Santa Venera sar-roundabout, il-ħoss ma jilħaqx
lir-residenti u l-effett tat-tniġġis jittaffa."
Pascal Aloisio, kelliem minn ADŻ saħaq illi vantaġġ ieħor li tissaqqaf
it-triq huwa li jinħoloq spazju pubbliku kbir f'żona urbanizzata u
mimlija traffiku. "Wasal iż-żmien li r-residenti ta' Santa Venera li
minn nofs il-komunita' tagħhom tgħaddi arteja prinċipali tat-traffiku
u li għal snin sħaħ ilhom ibatu minn storbju kontinwu u tniġġis
jingħataw xi ħaġa lura. Il-proposta konkreta u fattibbli tagħna
ittaffi xi ftit mill-problemi kbar tat-tniġġis mit-traffiku,
mill-ħsejjes kontinwi u wkoll tipprovdi spazji pubbliċi ġodda."