José Herrera: Erba’ xhur wara...qed jagħmel differenza?
Erba’ xhur mill-ħatra tiegħu bħala Ministru tal-Ambjent, Herrera qed jagħmel differenza? Se jkun il-vuċi li l-ambjent għandu bżonn fil-Kabinett? L-ILLUM tistaqsi...

minn Albert Gauci Cunningham

Jekk ħafna jaqblu li f’diversi oqsma l-Gvern preżenti qed jikseb suċċessi kbar jew moderati, żgur li qed jinbena kunsens li fejn jidħol l-ambjent, speċjalment fil-qasam tal-iżvilupp, l-ippjanar u l-użu tal-art, ftit li xejn jidher li Gvern Laburista qed jikseb wisq ammirazzjoni. Mill-kwistjoni tal-Università Amerikana mibnija fuq art barra ż-żona tal-iżvilupp (ODZ) għall-formazzjoni tal-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), sal-permessi għal torrijiet f’diversi żoni fil-pajjiż u numru kbir ta’ permessi oħrajn ta’ bini. Dawn kollha qajmu l-għagħa u r-rabja ta’ mijiet ta’ nies li l-ambjent u l-wirt naturali ta’ pajjiżna huwa għal qalbhom.
Fil-fatt s’issa, dan il-Gvern għadu ftit li xejn iffaċċja reżistenza mis-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali, forsi għax għajr għal kwistjonijiet iżolati, ftit li xejn kien hemm il-bżonn li tinħoloq reżistenza. B’mod ġenerali, il-pajjiż għaddej minn kwiet u paċi industrijali.
Fil-każ tal-ambjent iżda, r-reżistenza kienet waħda pjuttost qawwija u kontinwa, anke jekk ippumpjata politikament mill-Opożżizzjoni Nazzjonalista. Kienet iddirezzjonata, l-ewwel u l-aktar, lejn il-Prim Ministru Joseph Muscat, iżda wkoll diretta lejn l-eks Ministru Leo Brincat, li minkejja l-għarfien li għandu f’dan il-qasam, speċjalment fit-tibdil tal-klima, politikament deher pjuttost dgħajjef. Fil-verità Brincat kien iktar jixraqlu t-titlu ta’ tekonokratiku milli politiku, għax politikament ħalla l-ambjent mingħajr vuċi.
F’nofs tempesta metaforika ta’ kitba, kritika, protesti u saħansitra riżenja tad-Deputata Marlene Farrugia, parzjalment minħabba l-kritika voċifera tagħha fuq kwistjonijiet ambjentali, jidħol fix-xena José Herrera. Politiku li qatt ma kien b’xi mod assoċjat mal-ambjent u li ftit li xejn, jekk qatt, kien tkellem dwar is-suġġett. Fil-famuż ‘reshuffle’ fl-eqqel tal-kriżi ‘Panama’, kulħadd stenna lil Godfrey Farrugia, ħafna iktar voċiferu fil-qasam, biex jieħu taħt idejh il-Ministeru tal-Ambjent. Il-fatt li ma ġarax hekk, għamel il-ħatra ta’ Herrera waħda aktar stramba f’għajnejn bosta.
Illum, Herrera ilu fil-kariga erba’ xhur. Uħud jgħidu li huwa żmien qasir wisq filwaqt li oħrajn jaħsbu li huwa żmien biżżejjed biex ikollna l-ewwel indikazzjoni ta’ kemm jista’ jagħmel differenza. Minkejja li m’ilux wisq Ministru, l-erba’ xhur tiegħu fil-kariga ma kinux neqsin mill-kontroversja, l-aktar dik tal-bini għoli u l-permess li ngħata f’Tas Sliema u l-Imrieħel, il-kritika lejn Awtorità tal-Ambjent “bla snien”, il-ħmieġ mill-‘fish farms’ fl-ibħra u anke n-nuqqas ta’ strateġija ċara fejn jirrigwarda l-ambjent.
Dwar il-‘fish farms’ kien hemm ċaqliq pożittiv lejn teħid ta’ azzjoni, dwar il-bini għoli iżda, mingħand Herrera ftit li xejn għadna smajna.
L-ILLUM tkellmet ma’ numru ta’ individwi li għandhom fiċ-ċentru ta’ ħidmiethom jew diskorshom l-ambjent. L-ILLUM talbithom biex jgħaddu l-ewwel ġudizzju politiku tagħhom fuq Herrera. Staqsiethom jekk, fl-ewwel xhur tiegħu, Herrera hux qed jibda jagħmel differenza pożittiva f’dan is-settur u jekk jaħsbux li waħdu jista’ jerġa’ jirrestawra ftit mill-immaġini mġarrfa ta’ dan il-Gvern fil-qasam tal-ambjent.

‘Herrera ftit għandu saħħa biex jagħmel differenza’
Monique Aguis, membru tas-Civil Society Network u wiċċ li issa sar familjari ma’ dawk li niżlu fit-toroq biex jipprotestaw u jsemmgħu leħinhom kontra l-qerda tal-ambjent, tgħid mal-ILLUM li effetivament, il-bidla Ministerjali ftit li xejn għamlet differenza. ‘U lanqas nara li se tagħmel xi differenza kbira, għax ħafna mill-kwistjonijiet li jolqtu l-ambjent direttament lanqas biss qegħdin taħt id-direzzjoni ta’ Herrera.’
Aguis sostniet li ħafna mill-problemi li qed jaffetwaw l-ambjent illum huma marbutin mal-Awtorità tal-Ippjanar ‘u mal-fatt li l-Awtorità tal-Ambjent u Riżorsi hija bil-wisq inqas b’saħħitha.’
Għall-mistoqsija tal-ILLUM, Aguis taqbel li l-fatt li l-ambjent u l-ippjanar kienu sseparati f’żewġ Ministeri jfisser li ‘l-Ministeru tal-Ambjent iddgħajjef u li għalhekk fir-realtà Herrera ftit li xejn għandu spazju fejn jimraħ.’
(Aguis tkellmet fil-kapaċità tagħha u mhux f’isem is-Civil Society Network)

‘Herrera għandu r-rieda, imma jeħtieġ ikun iktar voċiferuż’
Alan Deidun, bijologu, riċerkatur u eks kandidat tal-PN, huwa pożittiv dwar il-prospetti ta’ Herrera, hekk kif ibbażati fuq dak li ġara s’issa. Mal-ILLUM Deidun jgħid li, “lili Herrera dejjem urieni li hemm element qawwi ta’ rieda, anke jekk jaf li qed jiffaċċja ħafna fuq il-platt tiegħu.’
Deidun jgħid li fil-fatt, il-Ministru preżenti huwa ħafna aktar attiv mill-predeċessur tiegħu, anke jekk Leo Brincat kellu ħafna għarfien f’dan il-qasam. ‘Meta tqis kollox, meta tqis il-linja ġenerali li qed tieħu l-Awtorità tal-Ippjanar, ngħaddi ġudizzju pożittiv, għax qed juri r-rieda li jbiddel.’
Minkejja dan, Deidun iżid jgħid li jeħtieġ li Herrera jkun ħafna iktar voċiferuż u juri fejn ma jaqbilx. ‘Jekk ma jaqbilx kif jew li jingħata permess partikolari, nemmen li għandu jitkellem u juri fehmtu, anke jekk mhux neċessarjament għandu l-poter dirett, għax l-awtorità ma taqax taħtu.’
Deidun faħħar l-azzjoni ta’ Herrera fuq il-każ tal-fish farms għalkemm qal li fejn jidħlu kontroversji l-Ministru qed iżomm ’il bogħod. “Għandu bżonn ikun aktar b’saħħtu f’dawn il-kontroversji,” jgħid Deidun.

‘Nistennieh jieħu passi biex jirrestawra l-kredibbiltà tal-ERA’
“Erba’ xhur huwa żmien qasir wisq biex inkun nista’ ngħaddi ġudizzju. Imma naħseb li l-ewwel u l-ikbar sfida li se jkollu huwa kif se jerġa’ jirrestawra l-kredibbiltà tal-awtorita tal-ambjent li fit-twelid tagħha, diġà sofriet minn daqqa kbira fil-kredibbiltà tagħha.” Hekk qal mal-ILLUM l-Idrologu Marco Cremona li sostna li jinsab diżappuntat bil-kwistjonijiet ta’ ‘Townsquare’ u tal-Imrieħel.
Imma x’qed jistenna li għandu jagħmel Herrera? ‘Nistennieh jieħu azzjoni fuq proċedura li ntużat, mhux biss fuq dawn il-proġetti partikolari, imma fuq proġetti kollha ta’ dan it-tip.
Cremona iżda, iktar jidher li għadu rrabjat bid-deċiżjoni ta’ Brincat li jitlaq milli qed jaħseb fil-prospetti li jista’ joffri Herrera. ‘Diżappuntanti ħafna, ħassejt jien, li Brincat li kien il-kelliem tal-PL għal ħafna żmien fuq dan il-qasam, li kien iddedika tant ħin għal dan is-suġġett u li kien qed jitkellem dwar il-ħolqien tal-ERA għal tant żmien, jitlaq mix-xena proprju meta l-istess ERA kienet se tibda topera.’ Cremona temm jgħid li jeħtieġ li min jokkupa l-kariga ta’ Ministru tal-Ambjent ikollu sens ta’ kburija fix-xogħol li qed jagħmel.

‘Irid jikkonvinċi lil Muscat li l-ambjent huwa importanti’
Martin Galea DeGiovanni mill-għaqda Friends of the Earth jitfa’ l-akbar piż fuq il-Prim Ministru Joseph Muscat. “Iktar minn kollox,” jisħaq mal-ILLUM, “jeħtieġ li Herrera jikkonvinċi lil Muscat li l-ambjent huwa importanti daqs jew iktar mill-flus. Fl-aħħar mill-aħħar, id-direzzjoni ġenerali tal-Gvern minn hemm ġejja.”
Imma Galea De Giovanni jaħseb li Herrera għandu personalità b’saħħitha biżżejjed biex jiffaċċja u jbiddel ħsieb Muscat u biex jkun vuċi b’saħħitha biżżejjed tal-ambjent? “Iva naħseb li kapaċi jkun b’saħħtu, jekk irid.”
Galea De Giovanni jgħid li mill-ewwel ftit laqgħat, jidher li Herrera jista’ jħalli effett pożittiv. ‘Sema’ minnha fuq il-kwistjoni tal-użu tal-glyphosates użati fl-agrikoltura, u nnutajna passi fid-direzzjoni t-tajba wkoll. Imma, b’mod ġenerali kollox għadu l-istess fuq il-kwistjoni tal-art u l-iżvilupp.”

‘Qed inħoss l-istandards imorru lura’
Lino Brigulglio, Ekonomista, li nhar il-Ħadd li għadda fuq il-gazzetta The Sunday Times sfida lid-Deputati Parlamentari tal-10 Distrett biex jesprimu ruħhom fuq il-permess ta’ Townsquare, qal li qed jinnota li l-istandards ambjentali sejrin lura.
Minkejja dan, huwa ma xtaqx jgħaddi kummenti diretti dwar José Herrera għax qal li ma xtaqx jiffoka b’xi mod fuq individwu. Bħal m’għamel fuq Facebook, mal-ILLUM, Briguglio ssuġerixxa li l-PN għandu jaqta’ linja u ma jaċċettax ċertu żvilupp meta ma jkunux rispettati l-proċessi kollha, jew esprimew lilhom infushom l-entitajiet kollha tal-Gvern.


