Il-kumpanija tal-ajru ‘low-cost’, l-EasyJet se tmexxi l-bażi għall-manutenzjoni tagħha hawn Malta, li jfisser li l-256 ajruplan tal-linja, se jkunu mantnuti minn ħaddiema Maltin fil-faċilitajiet tal-Lufthansa Technik f’Ħal Farruġ.
Il-qbil bejn il-kumpaniji ġie ffirmat dalgħodu f’Kastilja fil-preżenza tal-Prim Ministru Joseph Muscat u ċ-Chairman tal-Malta Enterprise William Wait.
Dan il-kuntratt ta’ manutenzjoni bejn l-EasyJet u l-Lufthansa Technik se jfisser li tul il-ħames snin li ġejjin, iċ-ċentru tal-Lufthansa Technik se jkun qed jiżvolġi manutenzjoni fuq erba’ ajruplani tal-EasyJet f’daqqa f’ċertu punt matul is-sena.
Huwa mifhum li d-deċiżjoni biex l-EasyJet tmexxi l-bażi tagħha hawn Malta ħadet spinta l-quddiem wara d-deċiżjoni meħudha mir-Renju Unit li joħroġ mill-Unjoni Ewropeja, fost raġunijiet oħra ta’ loġistika u ta’ livell għoli fil-kwalità tal-kapaċitajiet tekniċi tal-ħaddiema Maltin.