Bħal ma ġie msemmi fil-media fil-jiem li għaddew, il-grilling tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament Ewropew għan-nomina ta’ Leo Brincat għall-Qorti Ewropeja tal-Awdituri (ECA), kien iddominat b’mistoqsijiet dwar l-iskandlu tal-‘Panama Papers’, fejn Brincat kellhu jaffaċċja r-riperkussjonijiet tad-deċiżjoni li kien ħa li ma jaqbilx ma’ vot ta’ sfiduċja kontra l-kollega tiegħu Konrad Mizzi.
Fil-preżentazzjoni dwar Brincat, issemmew it-tul ta’ kważi 30 sena ta’ karriera politika tiegħu, inkluż il-kartigi tiegħu bħala ministru tal-finanzi u tal-iżvilupp sostenibbli, flimkien mal-karriera tiegħu fi ħdan l-HSBC.
Bid differenza ta’ Tony Abela, li kien ġie rrifjutata mill-istess kumitat, fuq bażi ta’ nuqqas ta’ esperjenza, il-kwalifiki u l-esperjenza ta’ Brincat, għandhom jaħdmu favur tiegħu sabiex jiġi approvat għall-kariga.
Membru tal-kumitat Finlandiz qal lill-Brincat li sabiex wieħed jiġi nominat membru, iridu jintlaħqu l-għola standards possibli. Il-Qorti tal-Awdituri ma tistax ikollha r-reputazzjoni tagħha ddubitata jew mhux fdata.
Għaldaqstant, fid-dawl ta’risposta li Brincat għamel dwar kif iġib ruħu jekk xi ħadd minn Malta jkun involut fxi forma ta’ korruzzjoni, huwa ġie mfakkar li kien irrisponda li jassigura li l-qorti tagħmel investigazzjoni kompleta.
Brincat ġie mfakkar kif bħala ministru Malti, meta kollega tiegħu kien espost fl-iskandlu tal-panama, huwa dejjem evita li jikkumment wara li vvota kontra r-riżenja ta’ Mizzi.
Mistoqsija diretta mressqa lill-Brincat kienet “Kif nistgħu nafdawk bħala gwardjan tal-finanzi tal-Ewropa, meta int iddefendejt ministru nvolut fl-iskandlu tal-‘Panama Papers’
Dwar dan, Brincat irrisponda li dwar il-kwestjoni tal-Panama il-vot kien ta’ 36/31 vot, allura l-vot tiegħu ma kienx deċisiv.
Brincat saħaq li bħala minsitru ma kellux għażla fuq kif jivvota, minkejja l-pożizzjoni tiegħu, li dwarha huwa wera kummenti u stqarrijiet li għamel fuq il-media Maltija fejn huwa kien wissa lill-Gvern li l-kwestjoni tal-Panama Papers, se tkisser is-suċċess li kiseb il-Gvern.
Brincat saħaq li “Jien għadni nemmen dak li ktibt qabel il-vot… dak iż-żmien bħala misistru, u issa aktar u aktar”
Minbarra l-mistoqsijiet dwar il-każ tal-‘Panama Papers’, il-membri tal-Kumitat talbu l-opinjoni esperta ta’ Brincat fuq numru varju ta’ kwestjonjiet bankarji u finanzjarji relatati mal-UE.
L-aħħar intervent imressaq lejn Brincat, faħħar l-esperjenza tiegħu fis-settur publiku u privat, li ġew ikkunsidrati bħala benefiċjali ħafna għall-kariga ta’ membru tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament Ewropew.