Il-Gvern iħabbar li ftuħ tal-proċess għal Spetturi ġodda

...parti mit-tisħiħ tal-management tal-Korp tal-Pulizija

Il-Ministru Abela quddiem l-għassa ta' Ħaż Żabbar
Il-Ministru Abela quddiem l-għassa ta' Ħaż Żabbar

Il-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali fetaħ il-proċess ta’  sejħa fi ħdan il-Korp tal-Pulizija fir-rank ta’ Spettur.  Il-pożizzjoni ta’ Spettur tal-Pulizija primarjament tinkludi dmirijiet marbutin mal-investigazzjonijiet  kriminali, prosekuzzjoni fil-Qrati Inferjuri u t-tmexxija ġenerali marbuta mal-għassa jew branka speċjalizzata li wieħed ikun stazzjonat fiha. 

Il-Ministru għall-Intern Carmelo Abela jelenka li din is-sejħa hija parti mill-proċess għat-tisħiħ fil-middle management fil-Korp tal-Pulizija. Isemmi li d-dmir ta’ Spettur huwa rwol li jirrikjedi nies b’rieda soda u grinta biex imexxu ’l quddiem ir-riformi neċessarji fit-taqsimiet li se jiġu fdati lilhom għal Korp iżjed modern u qrib in-nies. Għal dan il-għan l-enfasi fuq it-taħriġ se tingħata importanza b’mod partikolari ma’ kwalitajiet marbutin ma’ tmexxija u l-kommunikazzjoni flimkien mal-profiċjenza fil-liġi kriminali. 

Il-proċess ta’ taħriġ jinkludi tliet fażijiet. Dawk il-kandidati li jgħaddu mill-ewwel parti li tikkonsisti f’eżamijiet fiżiċi, mediċi u intervista, fit-tieni parti se jkunu meħtieġa jattendu kors part-time fl-Akkademja għal Korpi Dixxiplinati f’Ta’ Kandja. Dan se jitratta l-iktar tagħlim fuq proċeduri u kitba ta’ rapporti waqt il-qadi ta’ dmirijietom u l-investigazzjonijiet. Fit-tielet parti, li hi sena ta’ perjodu ta’ provafilwaqt li jkunu assenjati dmirijiet prattiċi marbutin mal-kariga tagħhom, se jingħataw l-opportunitá li jattendu għal Diploma in Policing mid-Dipartiment tal-Kriminoloġija fl-Universitá ta’ Malta.

Dawk interessati li japplikaw għal Spettur fil-Korp tal-Pulizija għandhom idaħħlu l-applikazzjoni tagħhom mat-Taqsima tar-Riżorsi Umani fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, il-Floriana sa nhar it-Tnejn 19 ta’ Settembru 2016, f’nofsinhar

More in Politika