Il-Membri tal-Parlament Ewropew Nazzjonalisti, David Casa, Roberta Metsola u Therese Comodini Cachia se jivvotaw kontra Leo Brincat għan-nomina tiegħu għall-qorti Ewropeja tal-Awdituri waqt il-votazzjoni li se ssir illum fi Strasburgu.
Dan bil-kuntrajru ta' dak li kienu qalu l-MPE Nazzjonalisti fir-rigward tan-nomina ta' Toni Abela, fejn kienu saħqu li tawh is-sapport tagħhom, minkejja rapporti minn fuq il-media tal-PL, li urew li filfatt l-istess MPE tal-PN kienu l-moħħ wara kampanja kontra Toni Ablea bi tqassim ta' materjal partiġġjan użat fl-elezzjoni tal-2013 fejn il-PN kien akkuża lil Abela b'għarfien ta' bejgħ ta' droga kokaina f'xi każini tal-Partit Laburista.
David Casa, l-kap tad-delegazzjoni Nazzjonalista, saħaq li minħabba li Brincat kien jagħmel parti mill-Gvern li ma ħax azzjoni kontra membri parlamentari involuti fl-iskandlu tal-Panama, huwa ma jistax ikun ikkunsidrat bħala "ideali" għall-kariga u għaldaqstant se jivvotaw kontra n-nomina tiegħu.
Casa qiegħed jimxi mad-deċiżjoni meħudha mill-grupp politiku EPP, li jagħmel parti minnhu l-Partit Nazzjonalista ta' Malta, li llum se jivvotaw kollha kontra Brincat.
Fi stqarrija mill-EPP, huma saħqu li d-deċiżjoni tagħhom li ma jivvotawx għal Brincat hija għall-interess ta' Malta, u talbu lill-Prim Ministru biex jinnomina kandidat indipendenti minflok Brincat, li skont huma mhux kompetenti għall-kariga minħabba li kien eks Ministru ta' Gvern involut fi skandli bħall-bejgħ taċ-ċittadinanzi Malti/Ewropej u l-iskandlu tal-'panama-papers'.
Intant ilbieraħ stess, il-kap tal-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil laqa' bil-qalb il-vot kontra n-nomina ta' Leo Brincat u saħaq li vot favur l-eks ministru li ddefenda membri parlamentari involuti fi skandli, imur kontra l-interess nazzjonali.