[Aġġornata 2] Tgħaddi tan-Nazzjonalisti... Leo Brincat mhux nominat

In-nomina ta' Leo Brincat ma tgħaddix hekk kif l-EPP jivvutaw kontrih

Leo Brincat ma jgibx bizzejjed voti biex jidħol fil-Qorti Ewropeja tal-Awdituri
Leo Brincat ma jgibx bizzejjed voti biex jidħol fil-Qorti Ewropeja tal-Awdituri

In-Nomina ta' Leo Brincat ma kisbitx ibiżżejjed fil-parlament Ewropew u b'hekk in-nomina ta' Malta, għat-tieni darba ma kienitx milqugħa mill-Parlament ewropew.

Xejn inqas minn 381 MPE ivvotaw kontra n-nomina ta' Brincat, bil-Partit Popolari Ewropew (EPP), li tiegħu il-partit Nazzjonalista huwa membru, jivvota kontra in-nomina ta' Malta. Il-vot kontra Leo Brincat mill-EPP, li huwa wkoll l-ikbar partit politiku fil-parlament Ewropew, ittieħed l-aktar fuq il-vot ta' Brincat fir-rigward tal-kwistjoni tal-'panama papers', iktar milli fuq il-kredenzjali ta' Leo Brincat għall-Qorti tal-Awdituri.

Ir-riżultat tal-voti kien :

229 Favur
381 Kontra
58   Astjenew

Opożizzjoni sejra kienet taħdem għall-pajjiż, mhux tipprova tagħmel gwadann politiku fl-UE  

Il-Gvern jinnota b’dispjaċir il-vot tal-plenarja tal-Parlament Ewropew kontra rakkomandazzjoni għan-nomina tal-Gvern Malti għall-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea ta’ Leo Brincat, li minkejja li ġiet aċċettata u approvata mill-kumitat ta’ skrutinju tal-Kontroll tal-Budget tal-Parlament Ewropew li miegħu l-Qorti Ewropea tal-Awdituri taħdem ħafna fil-qrib, spiċċa biex tilef vot fil-plenarja.

In-nomina tas-Sur Brincat issa se tersaq quddiem il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għal deċiżjoni finali.

Ta’ min jinnota li ħadd u fl-ebda ħin ma tpoġġiet fid-dubju l-kompetenza u l-integrità ta’ Leo Brincat. B’hekk hija tassew ħasra li lanqas ir-rappreżentanti Maltin kollha kemm huma ma appoġġjaw in-nomina ta’ Malta, u dan għal taparsi gwadann purament politiku partiġġjan tar-rappreżentanti tal-Oppożizzjoni fil-Parlament Ewropew. Dan ikompli jikkonferma li għandna Oppożizzjoni li hija iktar moħħha fil-logħob politiku milli li tħares l-interessi ta’ pajjiżna.

Oppożizzjoni serja kienet taħdem bħalma ġara fil-leġiżlaturi li għaddew, li kienet tappoġġja lil Malta fil-fora kollha internazzjonali u fejn kien hemm bżonn, minkejja riservi li seta’ kien hemm.

Il-Gvern Malti jħares ‘il quddiem sabiex jara l-eżitu tan-nomina ta’ Leo Brincat mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fejn dan dejjem ikun it-tielet test u dak deċiżiv għall-persuna li tkun nominata għal tali kariga.

PN: "Isem Malta mill-ġdid mżeblaħ"

Intant fi stqarrija il-PN qal li bil-falliment ta’ Leo Brincat, wara dak ta’ Toni Abela, bħala n-nominat tal-Gvern ta’ Joseph Muscat bħala membru tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, "isem Malta ġie mżeblah għal darb’oħra fi żmien daqstant qasir mal-istituzzjonijiet Ewropej. Ir-raġuni wara dawn il-falliment mhumiex il-kompetenzi ta’ Leo Brincat u Toni Abela, iżda l-korruzzjoni li fniet il-Gvern ta’ Joseph Muscat."

Iż-żewġ nominati ta’ Muscat iffaċċjaw sensiela ta’ mistoqsijiet dwar kif l-istess Muscat iddefenda lil, u b’hekk kien kompliċi maċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri u l-Ministru Konrad Mizzi, li nqabdu li fetħu kumpaniji sigrieti fil-Panama biex fihom jitfgħu s-senserija. Konrad Mizzi hu l-uniku Ministru fl-Unjoni Ewropea li nqabad b’kumpanijia sigrieta fil-Panama.

Il-Partit Nazzjonalista jinsisti ma’ Muscat biex jieqaf iżeblah isem Malta bil-mod kif qed jagħmel b’nomini ħżiena, kif ukoll bi skandli ta’ korruzzjoni li jagħmlu isem ħażin lil pajjiżna. Muscat għandu b’mod immedjat iwaqqaf in-nomina ta’ Leo Brincat, u jinnomina persuna li verament tkun tixraq li tirrapreżenta lil Malta u Għawdex kollha, u mhux lill-klikka żgħira madwaru li ħakmet lil Kastilja.

 

 

More in Politika