'Għall-PN, l-ewwel il-partit... imbgħad il-pajjiż'

l-MPE Laburisti jikkundannaw l-imġieba u l-ħidma tal-kollegi Nazzjonalisti tagħhom, kontra l-kandidatura ta' Malta

Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew tikkundanna l-aġir partiġġjan tal-MPE Nazzjonalisti
Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew tikkundanna l-aġir partiġġjan tal-MPE Nazzjonalisti

Fi stqarrija maħruġa mid-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew, il-Membri Parlamentari Labusristi Alfred Sant, Miriam Dalli u Marlene Mizzi, ikkundannaw l-aġir tal-kollegi Nazzjonalisti tagħhom fil-Parlament Ewropew, hekk kif ivvotaw kontra Malta, meta taw il-vot tagħhom kontra n-nomina ta' Leo Brincat għall-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

"Hu tal-mistħija li deputati Maltin imtellgħa fil-Parlament Ewropew mill-poplu Malti biex jirrapreżentaw l-interessi tal-pajjiż, ivvotaw kontra n-nomina ta' persuna Maltija biex isservi f'istituzzjoni Ewropea", intqal fl-istqarrija.

Dan intqal fid-dawl ta' dak li ġara llum bil-vot tad-deputati Nazzjonalisti kontra n-nomina ta' Leo Brincat għall-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

"Għamlu dan wara li kien ġie approvat mill-Kummissjoni tal-kontroll baġitarju tal-Parlament, u wara li l-kompetenza u l-integrità tiegħu ġew mistqarra matul is-smigħ li kellu fil-Parlament Ewropew"

Sal-bieraħ, id-deputati kollha Maltin fil-Parlament Ewropew urew prudenza u solidarjetà meta fin-nofs kien hemm nomini ta' personalitajiet Maltin, kienu ta' liema fehma politika kienu.

Il-vot tad-deputati Nazzjonalisti llum f'isem il-Partit Nazzjonalista, jikkonferma li l-istess partit kien jinteressah biss mill-interessi partiġġjani tiegħu u mhux mill-interessi nazzjonali tal-pajjiż.

Id-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew għaldaqstant tikkundanna bla riżerva dan l-aġir li l-motivi, l-iskop, il-metodi u t-twettiq tiegħu juru bl-aktar mod ċar, li għall-PN, l-interessi  partiġġjani huma ferm  aktar importanti mill-interess ta' Malta.

More in Politika