L-eks Deputat Għawdxi Lino DeBono ma tantx għandu kliem sabiħ wisq għad-Deputati Għawdxin ta' bħalissa u jfakkar illi minkejja li Għawdex għandu sitt Deputati Parlamentari "personalment nitħasseb jekk uħud minnhom hux vera qed jeżistu." Filwaqt li jfakkar fid-deċiżjonijiet li waslu għal bosta impjiegi fil-passat u deċiżjonijiet ta' investiment f'mezzi ta' trasport, fosthom il-Gozo Channel, DeBono jgħid li dawk li qed imexxu lill-Għawdex illum "qegħdin biss jraqqgħu il-pannu bil-qar'aħmar."
F'artiklu pjuttost kritiku fuq il-ġurnal The Times DeBono jgħid li m'hemm l-ebda ideat innovattivi magħmulin apposta għal Għawdex. Minflok "ftit intraprendituri bil-ġuħ għal flus qed jagħmlu xalata filwaqt li bosta villaġġi Għawdxin qed jinqerdu bi żvilupp żejjed."
Huwa jgħid li Għawdex illum, bil-bajjiet b'kollox, sar qisu "restorant wieħed kbir". Filwaqt li l-proprjetà pubblika saret qisha privata. "Kullimkien mwejjed u siġġijiet, fuq il-banikini u anke l-parkeġġi. Dan hu dak li jridu l-Għawdxin?" jistaqsi l-eks Deputat Laburista.
Għalkemm ifaħħar il-proġett ta' Barts jgħid ukoll illi Għawdex hija nieqsa minn pjan ħolistiku għall-20,30 jew 40 sena li ġejjin u jilmenta dwar rata ta' progress differenti bejn iż-żewġ gżejjer.
"In-nies fl-awtorità u l-mexxejja tagħna għandhom bżonn jagħtu ħarsa tajba lejn is-sitwazzjoni reali f'Għawdex. Imbagħad, forsi u tibqa' forsi kbira, jkollna pjan ħolsitiku għal Għawdex," temm jgħid DeBono.