Sai Mizzi se tkun qed terġa' tirritorna fil-qasam tan-negozju privat, wara li l-kuntratt ta' tliet snin li kellha bħala mibgħuta speċjali fiċ-Ċina ntemm.
Il-gazzetta MaltaToday irrappurtat kif kelliema għall-Gvern ikkonfermaw li l-mara tal-Ministru Konrad Mizzi, li kienet fil-qalba ta' kontroversja meta ngħatat dan l-irwol minħabba l-pożizzjoni ta' żewġha fi ħdan il-Kabinett, se tkun qed taħdem fil-qasam tan-negozju privat, waqt li ma speċifikawx jekk dan hux se jkun lokalment, jew inkella barra mill-pajjiż.
Il-kelliema tal-Gvern qalu li għal issa, Mizzi se tkun qed taħdem fuq it-tranżizzjoni tal-irwol li jinkludi investiment, negozju u Konslu Ġenerali. Intant, waqt li jidher li nstabet is-sostituta ta' Mizzi fir-rwol ta' konslu ġenerali, Malta Enterprise għad trid toħroġ sejħa sabiex jimtela l-post ta' promotur tal-investiment.
Il-perjodu ta' tranżizzjoni li se tkun qed taħdem Mizzi, għandu jinkludi fih il-finalizazzjoni ta' "żewġ proġetti strateġiċi," li għandhom jitħabbru fi żmien qasir.