'Il-Presidenza Maltija tal-UE se ġġib titjib fil-ħajja taċ-ċittadini Ewropej...'

Waqt laqgħa fi Strasburgu is-Segretarju Parlamentari Ian Borg tkellem dwar it-tħejjijiet tal-Presidenza tal-Kunsill tal-UE fl-ewwel nofs tal-2017

Ian Borg waqt laqgħat dwar it-tħejjija għall-Presidenza Maltija tal-UE
Ian Borg waqt laqgħat dwar it-tħejjija għall-Presidenza Maltija tal-UE

Ix-xogħol leġislattiv li jista’ b’mod konkret iwassal għal titjib fil-ħajja taċ-ċittadini Ewropej ser ikun wieħed mill-aspetti l-aktar kruċjali li se jwassal għas-suċċess tal-Presidenza Maltija

Waqt żjara fi Strasburgu, is-Segretarju Parlamentari għall-Presidenza UE 2017 u għall-Fondi Ewropej Ian Borg iltaqa’ mal-President tal-Parlament Ewropew Martin Schulz kif ukoll ma’ membri oħra fi ħdan l-istess Parlament Ewropew.

Matul il-laqgħa mal-President Schulz, Borg tkellem dwar it-tħejjijiet tal-Presidenza tal-Kunsill tal-UE fl-ewwel nofs tal-2017. Huwa qal li Malta qed tagħmel dak kollu possibbli sabiex tilqa’ din l-isfida bl-aħjar mod possibli. Is-Segretarju Parlamentari Borg tkellem ukoll dwar il-Programm Nazzjonali u qal li dan issa jinsab fl-istadju ta’ finalizzazzjoni.

Ian Borg enfasizza wkoll l-importanza li Malta taħdem mill-viċin mal-Parlament Ewropew sabiex jiġi milħuq ftehim fuq suġġetti varji. F’dan ir-rigward, huwa qal li x-xogħol leġislattiv li jista’ b’mod konkret iwassal għal titjib fil-ħajja taċ-ċittadini Ewropej ser ikun wieħed mill-aspetti l-aktar kruċjali li se jwassal għas-suċċess tal-Presidenza Maltija

Waqt li kien qiegħed ġewwa Strasburgu, Borg ipparteċipa f’bosta laqgħat ma’ membri tal-istess Parlament Ewropew bl-għan li jkompli jippreżenta il-prijoritajiet tal-Presidenza Maltja kif ukoll jisma’ l-aspettativi. Fost l-oħrajn, Borg iltaqa’ mal-MEP Grieg Dimitros Papadimoulis, mal-MEP Ingliż Syed Kamall, mal-MEP Pollakk Ryszard Czarnecki, mal-MEP Taljan David Borelli, kif ukoll mal-MEP Ġermaniż Alexander Graf Lambsdorf.

More in Politika