
Esperjenza ta' xogħol għall-istudenti fil-linja li jkunu qed jistudjaw
Il-Gvern jilħaq ftehim mal-GRTU għal rabta ikbar bejn l-edukazzjoni u d-dinja tax-xogħol

More in Politika
Il-Gvern jilħaq ftehim mal-GRTU għal rabta ikbar bejn l-edukazzjoni u d-dinja tax-xogħol
Il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol laħaq ftehim mal-GRTU dwar il-Programm Edukattiv GEM16+. L-iskop ta’ dan huwa li jipprovdi opportunitajiet lill-istudenti ingaġġati f’dan il-programm sabiex filwaqt li jkunu qed jitħejjew għas-SEC, ikollhom opportunijajiet sabiex jiżvillupaw il-ħiliet tagħhom għad-dinja tax-xogħol.
Bis-saħħa ta’ dan il-ftehim l-istudenti li jattendu l-Programm Edukattiv GEM16+ ikunu jistgħu jgħaddu minn esperjenza ta’ xogħol skont il-ħiliet u l-ħajriet tagħhom hekk kif imqabbla mas-suq tax-xogħol. GEM16+ jenfasizza dejjem il-ħtieġa ta’ edukazzjoni vokazzjonali u tat-tagħlim tul il-ħajja li għandhom ikunu s-sinsla ta’ kull impjieg.
Il-GRTU tisħaq illi t-tkabbir fl-ekonomija jrid jiġi sostnut billi jiġi assigurat li r-riżors ewlenieni f’pajjiżna, jiġifieri dak uman, ikun jirrispondi għall-eżiġenzi tal-istess ekonomija. Tali sfidi mressqa fuq l-aġenda mill-GRTU ġew ikkonfermati permezz tan-National Employee Skills Survey mniedi fl-aħħar ġimgħat mill-NCFHE u l-JobsPlus. Il-GRTU għalhekk qiegħda tkompli timpenja ruħha iżjed mill-qrib bil-fatti permezz ta’ inizjattivi bħal GEM16+ sabiex ir-riżorsi umani jkunu msawwra iżjed lejn il-bżonnijiet reali tas-suq tax-xogħol.
Il-Programm Edukattiv GEM16+ għandu tliet għanijiet. Primarjament il-programm iwassal sabiex l-istudenti jġibu u jtejbu l-kwalifika tagħhom tas-SEC fis-suġġetti msemmija hawn taħt sabiex ikunu jistgħu jkomplu fir-rotta akkademika. GEM16+ jiffaċilita wkoll ir-rotta vokazzjonali lill-istudenti tiegħu meta jagħżlu li jidħlu f’istituzzjonijiet vokazzjonali. Barra minn hekk, permezz ta’ dan il-ftehim, il-programm innifsu qiegħed jitqarreb iżjed viċin dak li hu mistenni mid-dinja tax-xogħol kif ukoll se jibda jinkorpora esperjenza ta’ xogħol.
GEM16+ huwa programm edukattiv b’għanijiet speċifiċi mniedi mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol. GEM16+ fetaħ il-bibien tiegħu għall-ewwel darba f’Ottubru 2015 għal studenti li temmew l-edukazzjoni obbligatorja sekondarja. L-għan ewlieni ta’ GEM16+ huwa li jservi ta’ tarġa għal dawk l-istudenti li jonqoshom il-kwalifiki meħtieġa fil-livell tas-SEC sabiex ikunu jistgħu jikomplu fir-rotta akkademika tagħhom. Għaldaqstant il-programm jiffoka fuq preparazzjoni intensiva għall-eżamijiet tas-SEC fil-Malti, fl-Ingliż, fil-Matematika, fil-Fiżika kif ukoll fl-ECDL. Dan kollu jsir fi gruppi żgħar.
Bla dubju ta’ xejn, is-sena esperjenza fil-GEM16+ tgħin ħafna lill-istudenti biex jimmaturaw aktar u jkunu f’pożizzjoni aħjar fejn jidħlu għażliet għaqlin għall-futur tagħhom fil-qasam edukattiv, fl-impjieg u fit-taħriġ meħtieġ.
Il-ftehim ġie ffirmat mill-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo flimkien mas-Segretarju Permanenti għall-istess ministeru Joseph Caruana, Segretarju Permanenti u mill-President tal-GRTU Malta Chamber of SMEs Paul Abela fil-Ministeru, il-Furjana.