Il-Partit Nazzjonalista qed jitlob li Leo Brincat, li wara li ma ġiex approvat mill-Parlament Ewropew, 'ikun raġel u ma jipproċedix bin-nomina tiegħu quddiem il-Kunsill tal-Ministri'. Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista kompla jgħid li, 'L-Oppożizzjoni qed titlob lil Leo Brincat biex juri irġulija u jżomm il-kelma tiegħu waqt is-smiegħ fil-Kumitat tal-Parlament Ewropew meta kien qal li jekk il-Parlament Ewropew ma japprovahx, mhux se jkun qed jinsisti li n-nomina tiegħu tmur quddiem il-Kunsill tal-Ministri.'
L-Oppożizzjoni sostniet ukoll li hija lesta tappoġġja nomina ġdida għall-Qorti Ewropea tal-Awdituri, 'sabiex titwaqqaf il-ħsara li qed issir lill-pajjiż bl-iskandlu tal-Panama, sakemm tkun persuna mhux assoċjata ma’ Konrad Mizzi u Keith Schembri.'
Fi stqarrija, il-PN kompla jgħid li Leo Brincat ma setax ikun din il-persuna għaliex ivvota favur Konrad Mizzi fil-vot ta’ sfiduċja fil-Parlament u dan l-aġir mhux kompatibbli mal-funzjoni ta’ membru tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri li xogħlu hu li jikxef l-iskandli, mhux jgħattihom.
'Malta m’għandiex tidħol għall-Presidenza tal-Unjoni Ewropea b’konfront mal-Parlament Ewropew imdendel fuq rasna minħabba l-egoiżmu ta’ Joseph Muscat li żamm lill-ħbieb tiegħu f’Kastiilja minkejja li nqabdu b’kumpanija sigrieta fil-Panama,' temm jgġid il-PN.