'Simon irid idawwar ir-rotta, imma d-deċiżjonijiet jittieħdu mill-Gvern' - PL

Il-Partit Laburista fakkar kif qatt ma ħadem kontra kandidati Nazzjonalisti 'kollha b'allegazzjonijiet fil-konfront tagħhom personalment'

Wara li l-Partit Nazzjonalista sejjaħ għat-twaqqif tan-nomina ta' Leo Brincat minn quddiem il-Kunsill tal-Ministri, il-Partit Laburista, fi stqarrija fakkar kif il-PN, hekk kiser tradizzjoni li kienet ilha mill-2003, fejn "l-Oppożizzjoni tingħaqad mal-Gvern u jaħdmu attivament favur l-interessi Maltin meta tiġi nomina Ewropea."

Il-PL kompla jgħid li, "Simon Busuttil u l-Partit Nazzjonalista jafu sew li Oppożizzjoni Laburista ħadmet favur kandidati bħal Josef Bonnici, Louis Galea, John Dalli u Tonio Borg – kollha eks-Ministri Nazzjonalisti b’allegazzjonijiet fil-konfront tagħhom personalment – biex jieħdu l-kariga li għalihom kienu qed jiġu nominati minn Gvernijiet Nazzjonalisti. Fl-ebda każ l-Oppożizzjoni ta’ dak iż-żmien ma kienet ikkonsultata."

Jingħad ukoll li issa li Simon Busuttil jinsab fl-Oppożizzjoni, "irid idawwar ir-rotta għax hekk mingħalih jaqbillu għall-partit. Id-deċiżjonijiet iżda jittieħdu mill-Gvern. L-Oppożizzjoni tieħu d-deċiżjonijiet tagħha skont jekk hux fl-interess partiġġjan jew ta’ pajjiż sħiħ. Imbagħad il-poplu jiġġudika."

Il-PL jirrimarka wkoll li d-dikjarazzjoni ta' Brincat li tgħid li jirtira n-nomina jekk ma jgħaddix mill-Parlament Ewropew, biss b'każ li jkunu ddubitati l-integrità u l-kompetenza tiegħu, iżda dan qatt ma ntefa' dell fuqu.

Fil-fatt, il-Partit Laburista saħaq ukoll li issa Leo Brincat se jkun qed jipproċedi bin-nomina tiegħu, u joqgħod għad-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Ministri li għandha l-irwol deċiżiv li tapprova n-nomina ta’ stat membru.

More in Politika