'L-UE għandha tippromwovi ġustizzja soċjali reali'

Fil-Parlament Ewropew, Alfred Sant qal li l-politika tal-UE ma tridx tkun imnebbħa mis-swieq ekonomiċi imma mill-ġustizzja soċjali reali

Alfred Sant qal lill-Parlament Ewropew fi Strasburgu li l-politika tal-Unjoni Ewropea għandha tkun imnebbħa mill-ġustizzja soċjali reali u mhux mis-swieq ekonomiċi permezz tat-tisħiħ tal-istrutturi eżistenti u tal-politika tal-UE.  Għalkemm bħalissa l-konsolidament huwa importanti, dan huwa proġett kumpless u diffiċli qal Sant f’intervent waqt id-dibattitu dwar l-istat tal-Unjoni li ġie indirizzat milll-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker.

Sant qal li analiżi tajba tal-Unjoni Ewropea llum teħtieġ skrutinju tajjeb ta’ dawn l-aħħar għoxrin sena. “L-inkwiet preżenti ma jistax jiġi attribwit biss għall-kriżi tal-2008 li minnha l-UE għadha ma rkupratx. L-għeruq tal-inkwiet imorru lura għall-effetti li ħolqot il-politika tat-tkabbir u t-tisħiħ tal-UE fis-snin 90.

Sant qal li l-viżjoni ta’ dawk iż-żminijiet sfortunatament kienet immexxija mis-‘soft power’ li għandha l-Unjoni u li ħafna drabi ma kienx użat sew. Issa, l-UE tinsab żbilanċjata kemm politikament, ekonomikament, territorjalment u anki soċjalment. 

“Mhux ta’ b’xejn li l-Kunsill sar in-nifs tal-Unjoni, anki jekk ħafna drabi l-affarijiet fih jibqgħu staġnati.”

Alfred Sant saħaq li t-triq ’il quddiem ma għandhiex tkun dik ta’ aktar proġetti favur bidla istituzzjonali b’metodi tradizzjonali, biex imbagħad bihom ikunu ġustifikati l-bidliet il-kbar.

More in Politika