'Mhux sefsif fil-widnejn biss kien għaddej fil-Parlament'

Alfred Sant jgħid li kienet viltà kbira mill-PN li jivvota kontra n-nomina ta' Leo Brincat

Alfred Sant qal li l-vot tal-PN kontra Leo Brincat kien viltà kbira. “Il-kap tad-deputati Nazzjonalisti fil-Parlament Ewropew, alla jbierek, ħa sehem fl-organizzazzjoni ta’ laqgħat ma’ deputati tal-Partit tal-Popolari Ewropej favur Leo Brincat. Irid jew ma jridx, bilfors wieħed ikollu jikkonkludi li mhux sefsif fil-widnejn biss kien għaddej.”

Sant qal li sa issa, fil-Parlament Ewropew dejjem inżamm l-arranġament, kif għandu jkun, li f’nomini li jinvolvu persuna Maltija, insostnulha l-appoġġ. Delegazzjonijiet oħra jagħmlu l-istess; juru għaqda nazzjonali. Fiċ-ċokon tagħna, firda bħal din turina fl-agħar dawl.

“Il-verità hi li l-PN fl-Oppożizzjoni jonqsulu kwistjonijiet qawwija, ħlief waħda, tal-karti tal-Panama. Jużaha kemm irid f’Malta. Li jimbuttaha kif għamel f’forum Ewropew mhu xejn ħlief opportuniżmu politiku tal-aqwa kwalità. Imur kontra l-interess nazzjonali. Jistieden ir-reazzjoni ta’ għajn għal għajn u sinna għal sinna.”

'Busuttil messu jirrikonoxxi lill-membri li kienu vvutaw kontra l-PN, biex issa jkun koerenti'

Il-verità hi li l-PN fl-Oppożizzjoni jonqsulu kwistjonijiet qawwija, ħlief waħda, tal-karti tal-Panama. Jużaha kemm irid f’Malta. Li jimbuttaha kif għamel f’forum Ewropew mhu xejn ħlief opportuniżmu politiku tal-aqwa kwalità.

Sant qal li biex ikun koerenti mal-iskuża li ġab, il-Kap tal-Oppożizzjoni issa jrid jirrikonoxxi lill-membri tal-partit tiegħu li vvotaw kontra l-gvern ta’ Gonzi kienu qed jeżerċitaw id-diskrezjoni tagħhom dwar it-tajjeb u l-ħażin. Anke jekk bl-aġir tagħhom fixklu u fl-aħħar waqqgħu lil dak il-gvern, għandu jilqagħhom lura fil-PN b’dirgħajh miftuħa. Għandu jirrikonoxxilhom id-dritt li jekk tiġihom l-opportunità u s-sejħa fil-futur, jirrepetu dak li għamlu fl-imgħoddi.

Il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew qal li l-vot tal-Membri Parlamentari Ewropej tal-Partit Nazzjonalista kontra Leo Brincat hija ġrajja tal-mistħija fejn inkisret regola tad-deheb fil-Parlament Ewropew : dik li Maltin ma jivvotawx kontra Maltin. Sant qal li l-voti kontra Brincat inqalbu wara li l-PPE, l-akbar grupp politiku fil-Parlament iddeċieda li jivvota kontra n-nomina. ‘Il-PPE għamel hekk wara li l-PN qal lid-deputati tiegħu fil-Parlament Ewropew biex  jivvotaw kontra Leo Brincat. Dan sar fuq skuża tal-biki. Matul is-smigħ tiegħu fil-Parlament, Leo Brincat qatt ma ġie kkritikat fuq il-kompetenza, l-esperjenza jew l-integrità tiegħu,” saħaq Alfred Sant.

Sant qal li l-ħidma ta’ din il-ġimgħa fil-plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu kienet imgħarrqa bil-vot li ittieħed fil-plenarja biex jinqaleb il-ġudizzju favorevoli dwar in-nomina ta’ Leo Brincat għall-Qorti Ewropea tal-Awdituri li kienet ħadet il-kummissjoni tal-Parlament dwar il-kontroll tal-baġit.

More in Politika