Anke jekk nhar il-Ħamis li għadda, in-nomina ta’ Leo Brincat għall-Qorti Ewropea tal-Awdituri kienet approvata mill-Kunsill tal-Ministri tal-UE, 72% jew 1,500 persuna li ħadu sehem fl-istħarriġ online ta’ kull ġimgħa fuq l-illum.com.mt jemmnu li l-Partit Nazzjonalista ħadem kontra n-nomina ta’ Malta. Din kienet ir-raġuni, jemmnu l-biċċa l-kbira tal-qarrejja tagħna, għalfejn il-maġġoranza tal-Membri tal-Parlament Ewropew ivvutaw kontra n-nomina ta’ Leo Brincat. Din hija l-linja ta’ kritika li bosta esponenti tal-PL mexxew fil-konfront tal-Oppożizzjoni, fosthom bosta deputati u anke l-eks President tal-Partit Laburista, Emanuel Cuschieri. Ma’ dawn ingħaqad ukoll l-eks deputat Nazzjonalista, Jeffrey Pullicino Orlando u l-eks deputat Nazzjonalista Franco Debono, f’artiklu li kiteb fuq din il-gazzetta nhar il-Ħadd 18 ta’ Settembru, bl-isem ta’ ‘Ir-responsabbiltà politika’.
Min-naħa l-oħra mbagħad, kienu kważi 25%, jew minn kull erba’ ta’ dawk li vvutaw fl-istħarriġ, li jemmnu li l-votazzjoni marret kif marret minħabba li l-każ Panama tefa’ dell ikrah fuq Brincat, li f’vot ta’ sfiduċja kontra l-Ministru Konrad Mizzi, ivvota mal-Gvern. Dawn jemmnu li dan il-każ kollu tefa’ dawk ikrah fuq Malta. Din kienet il-linja ta’ kritika tal-Partit Nazzjonalista, MPE tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni u numru ta’ opinjonisti.
Kienu bosta dawk li ħallew il-kummenti tagħhom dwar din il-kwistjoni minn fost l-2,100 li vvutaw, u fil-maġġoranza tagħhom kienu kummenti li jisħqu li l-PN messu jistħi li ħadem kontra Malta.
Kumment partikolari mill-qarrejja Mary Bugeja jgħid li, ‘n-Nazzjonalisti huma tradituri u min hu traditur ma jistax jissejjeħ Malti. Ma jifilħux jaraw lil pajjiżna l-aqwa fl-Ewropa.’ Żiedet tgħid li min jifraħ bid-deni, ma jistħoqqlux ikun Prim Ministru, u li, ‘l-kap tan-Nazzjonalisti jmissu jistħi jirreaġixxi b’dak il-mod.’
Fil-kumment tiegħu, Guido Cutajar Forte spjega s-sitwazzjoni u qabbilha daqslikieku jkollok argument fil-familja, ‘u tmur għand tal-grocer u toqgħod tgħid xi ġralek f’darek’.
Annie Adams, fil-kumment tagħha tistaqsi x’hemm ħażin f’li jintagħżel Leo Brincat għaliex huwa raġel onest u huwa intiż f’xogħlu.
Intant, kienu biss 1.35% li qalu li Brincat ma kienx kompetenti, u kien għalhekk li l-maġġoranza vvutat kontrih. Fil-fatt, f’risposta għall-kumment ta’ Annie Adams, Stephen Pace qal li kieku tagħti ħarsa lejn il-ħidma fqira ta’ Brincat bħala ministru għall-ambjent, tbiddel fehemtha, u partikolarment isemmi d-dokument għall-Pjan Strateġiku għall-Ambjent u l-Iżvilupp.
Diversi persuni, f’kummenti fuq illum.com.mt, tkellmu wkoll dwar kif din id-deċiżjoni mhux se taffetwa biss lil Malta mal-Ewropej iżda se timpatta wkoll fuq il-Partit Nazzjonalista nnifsu. Fil-fatt, Steve Tabone jgħid li permezz tad-deċiżjoni li ħa l-Kap tal-Oppożizzjoni, ‘irnexxielu jumilja lil Malta fl-UE, u daqs kemm kienet kbira l-ħsara mal-Ewropej, hekk ukoll kienet kbira l-ħsara lill-PN mal-Maltin.’