‘Lou Bondi m'għandux jingħata trattament preferenzjali…’

Jason Micallef diżappuntat bin-nuqqas ta’ spjegazzjoni dwar l-allegata paga ta’ €50,000 fis-sena li jaqla’ Lou Bondi

Jason Micallef diżappuntat dwar il-ħabi fil-kuntratti ta' Lou Bondi
Jason Micallef diżappuntat dwar il-ħabi fil-kuntratti ta' Lou Bondi

F’kumment li ħalla Jason Micallef fuq facebook, huwa wera biċ-ċar id-diżappunt tiegħu dwar in-nuqqas ta’ spjegazzjoni u dikjarazzjoni dwar ammont ta’ madwar €50,000 fis-sena li jaqla’ Lou Bondi bħala konsulent.

Fil-kumment tiegħu, Micallef saħaq li “nemmen bis-sħiħ li kull persuna li titħallas minn fondi pubbliċi għandu jintqal ċar u tond pubblikament x'qed titħallas u għalfejn. L-istess kif iseħħ fuq kull ministru, ċerijiet u CEO's ta' entitajiet pubbliċi, diretturi, u konsulenti ta' awtoritajiet governattivi, u oħrajn. Is-Sur Bondi m'għandux ikun l-eċċezzjoni jew jingħata trattament preferenzjali. Meta jiġri hekk, bir-raġun kollu jibdew iqumu s-suspetti ta' għaliex u għalfejn taħbi”

Fuq artiklu li ħareġ fuq is-sit ta’ timesofmalta aktar kmieni dalgħodu infatti, hemm miktub kif id-dettalji tal-pakkett finanzjarju offrut lil Lou Bondi għas-servizzi tiegħu bħala konsulent, jibqgħu s’issa miżmuma sigrieta.

Bondi, eks preżentatur u impjegat tal-Partit Nazzjonalista, kien ġie mogħti l-kariga ta’ konsulent mall-Kunsill Malti għall-Arti u jingħad li ngħata kuntratti li jammontaw għal madwar €50,000 fis-sena.

Minkejja talbiet sabiex il-kuntratti u l-pagi ta’ Bondi, li ġejjin minn fondi pubbliċi, jiġu ppublikati u spjegati, kemm Bondi stess, kif ukoll kelliema għall-Gvern irrifjutaw li jagħtu dettalji, saħansitra jikkwotaw li “jinħtieġ li jiġu protetti l-interessi kummerċjali ta’ konsulent privat”

Minkejja li l-Gvern ta’ spiss irrefera għal Lou Bondi bħala eżempju ċar tal-meritokrazija tal-Gvern, nies bħal Jason Micallef stess u ħafna oħrajn bħalu ma jħossux li huwa sew li Bondi jiġi trattat b’mod preferenzjali u jkun hemm dan il-ħabi kollhu dwar il-qliegħ tiegħu.

More in Politika