Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li fin-negozjati mar-Renju Unit dwar Brexit, jeħtieġ li minkejja li r-Renju Unit joħroġ bi ftehim ġust, dan se jkun inferjuri, għaliex l-istati membri se jkunu qed jisħqu li r-Renju Unit jitlef il-privileġġi li għandu bħala membru, ġaladarba jieqaf jieħu sehem fil-politika tas-suq uniku u l-libertà ta' moviment. "Anke dawk il-pajjiżi li huma favur ir-Renju Unit qed jisħqu li ma jistax ikollok kollox," saħaq Muscat.
Saħaq ukoll li l-Unjoni Ewropea mhijiex dipendenti fuq ir-Renju Unit, waqt li sostna li taħt il-presidenza Maltija, l-UE se tkun qed tkompli bil-ħidma tagħha, u anke tippjana summit fi Frar tas-sena d-dieħla.
F'intervista mal-gazzetta Politico, il-Prim Ministru Muscat saħaq ukoll li l-pożizzjoni ta' Malta f'dan ir-rigward hija li l-erba' prinċipiji bażiċi ta' libertajiet tal-UE, ma jistgħux jiġu mifruda fil-proċess u wieħed jagħżel x'inhuma dawk il-libertajiet li jixtieq jieħu, Dan waqt li l-Prim Ministru Ingliż, Theresa May sostniet li r-Renju Unit se jagħżel hu kif jikkontrolla l-immigrazzjoni fil-pajjiż.
In-negozjati għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea mistennija jibdew f'Marzu tas-sena d-dieħla meta l-presidenza tal-UE tkun qiegħda f'idejn Malta. Muscat kompla jinsisti li l-Ingilterra ma tantx għandha ċans biex tieħu dak li trid fin-negozjati, u l-format tan-negozjati, skont Muscat, se jkunu qed jieħdu l-forma ta' dak li ġara fil-bailout mal-Greċja, minħabba li l-ebda kap ta' stat membru mhu lesti li jagħmel it-triq tal-ħruġ faċli.