"Il-Partit Laburista dejjem mexxa 'il quddiem aġenda progressiva u favur id-drittijiet tan-nisa u issa mill-Gvern qed iwettaq iniżjattivi li qed iħallu riżultati pożittivi"
Dan qalu d-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Chris Cardona waqt laqgħa li uffiċjali mill-Amministrazzjoni tal-Partit u l-Eżekuttiv ta' NL - Nisa Laburisti kellhom ma Anita Gale membru tal-House of Lords fil-Parlament tar-Renju Unit f'isem il-Partit Laburista Ingliz.
"Qed ikollna tkabbir reali fl-ekonomija, qed ikollna tnaqqis fid-defiċit, filwaqt li l-pass li jmiss huwa dak tas-17 ta' Ottubru li ġej meta ser ikollna baġit li jindirizza l-prosperità b'ġustizzja soċjali u għalhekk ser ikun f'sintonija ma dak li jemmen fih il-Partit Laburista" qal Cardona.
Huwa tkellem dwar iniżjattivi li ttieħdu fl-ewwel 3 snin ta' Gvern Laburista u li ħallew impatt fuq in-nisa meta n-numri juri biċ-ċar iż-żieda fil-parteċipazzjoni tan-nisa fid-dinja tax-xogħol. Dan seħħ permezz ta' bosta iniżjattivi fosthom childcare b'xejn, tapering of benefits u iniżjattivi oħra li ħallew impatt pożittiv wkoll fuq il-familji b'mod ġenerali.
Qal li l-Partit Laburista jħares'il quddiem biex jibqa’ jkun katalista u xprun biex verament ikollna soċjetà ġusta.
Matul il-laqgħa Baroness Anita Gale tkellmet wkoll fuq Brexit u anke dak li għaddej minnu bħalissa l-Partit Laburista Ingliz. Kien hemm diskussjoni wkoll dwar ir-relazzjonijiet tajba li dejjem kien hemm bejn Malta u r-Renju Unit fuq diversi livelli u f'setturi differenti.
Tul il-laqgħa pparteċipaw ukoll il-President tal-PL Daniel Micallef, is-Segretarju Internazzjonali Marc Vella Bonnici, Claudette Abela Baldacchino President Nisa Laburisti u delegazzjoni mill-Eżekuttiv ta' NL komposta minn Nikita Zammit Alamango, Carmen Ciantar u Josianne Cutajar.