'Għall-monument tal-korruzzjoni, Muscat lest ipoġġi lin-nies f’riskju'
'It-tanker tal-gass hu simbolu ta’ dak kollu li hemm ħażin fil-Gvern ta’ Joseph Muscat. Huwa simbolu tal-gideb, tal-qerq u tal-korruzzjoni ta’ dan il-Gvern'
minn John Busuttil
'Huwa monument tal-korruzzjoni. Huwa għalhekk li l-Partit Nazzjonalista mhux se jaċċetta li minħabba l-korruzzjoni nispiċċaw b’riskji bħal dawn. Huwa għalhekk li fil-jiem il-ġejjin, aħna se nagħtu vuċi lir-residenti ta’ Marsaxlokk u ta’ Birżebbuġa u lill-poplu Malti u Għawdxi li kull ma jridu huwa li jgħixu b’moħħhom mistrieħ u mhux bir-riskji.'
Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt li kien qed jindirizza attività politika bit-tema Nirnexxu Lkoll Flimkien fil-Każin tal-Partit Nazzjonalista f’Ħal Luqa.
Wasal il-monument tal-korruzzjoni
Simon Busuttil qal li Muscat għandu l-aħħar ċans biex ma jpoġġix is-sigurtà tal-poplu Malti f’riskju. Hu qal li wasalna s’hawn għaliex l-akbar wegħda li għamel Joseph Muscat - li jibni power station f’sentejn biex iraħħas il-kontijiet - kienet ukoll l-akbar gibda tiegħu. “Mhux talli kienet gibda, talli maż-żmien l-ewwel gibda tħawwdet u saret kobba: kobba ta’ gideb, qerq u korruzzjoni. U l-kobba li daħal fiha se twasslu biex b’suppervja, b’pika u b’ras iebsa, joħloq riskju gravi fuq is-sigurtà tal-poplu Malti u Għawdxi,” qal Simon Busuttil.
“Minkejja li dan kollu ma jagħmilx sens, minkejja li issa huwa ċar daqs il-kristall li d-deċiżjoni li jibni PowerStation ġdida kienet deċiżjoni ħażina, il-Prim Ministru baqa’ jwebbes rasu u bil-pika tiegħu issa se jdaħħal tanker tal-gass fil-bajja ta’ Marsaxlokk u jankrah hemm għal 18-il sena sħaħ,” qal Simon Busuttil. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li r-riskji li tankra tanker tal-gass ta’ dak il-kobor f’port żgħir u bieżel bħalma huwa Marsaxlokk huma enormi u jistgħu jikkaġunaw konsegwenzi inkalkolabbli. Per eżempju:
* Għaliex ma ġie ppubblikat l-ebda rapport, l-ebda studju biex iserħulna rasna li m’hemm l-ebda riskji?
* X’jiġri jekk ikun hemm maltempata li tħabbat it-tanker mal-blat?
* X’jiġri jekk ma jkunx ankrat sew?
* X’jiġri jekk ikun hemm vapur fil-Freeport li ma jkunx jista’ jdur fil-wisa’ minħabba t-tanker?
* X’jiġri jekk ikun hemm ħabta bejn vapur tal-containers u t-tanker tal-gass?
* X’jiġri jekk ikun hemm leak tal-gass?
* X’jiġri jekk ikun hemm inċident ieħor, bħal spluzjoni?
* X’miżuri ttieħdu għal każi ta’ emerġenza?
* Se jkun hemm biżżejjed fire engines stazzjonati ħdejn it-tanker?
* Se jkun hemm fire engine tug boats ħdejn it-tanker?
* U fuq kollox, la hemm dawn ir-riskji kollha, għaliex se jibqgħu għaddejjin?
Dawn huma riskji li kulħadd jista jimmaġinahom mingħajr studji, qal Simon Busuttil, filwaqt li kompla li dawn huma riskji issa anke fuq il-ħajja tan-nies. “Trid tkun irresponsabbli biex, bħala Prim Ministru, taċċetta riskji, żgħar kemm huma żgħar, kbar kemm huma kbar, fuq il-ħajja tan-nies,” qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Simon Busuttil qal li l-ġurnalisti ma setgħux jistaqsu lill-Prim Ministru dwar dawn ir-riskji għax darba telaq minn press conference bla ma ħa mistoqsijiet u l-għada ħarab lill-ġurnalisti billi għadda mill-emergency exit.
Hu rrefera wkoll għal dak li qal il-Ministru Konrad Mizzi jiġifieri li nistgħu inserrħu rasna għax m’hemmx riskji. “Jekk xi ħadd gideb fuq il-kumpanija sigrieta li kellu fil-Panama, kif nistgħu nemmnuh fuq jekk it-tanker hux safe?” staqsa Simon Busuttil. Hu għamilha ċara li la darba dawn jafu bir-riskji li hemm u se jwebbsu rashom, jekk alla ħares qatt jinqala’ xi ħaġa, il-poplu Malti se jżommhom personalment responsabbli.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li biex jiddevjaw l-attenjoni, dawk ta’ Kastilja jinsabu f’paniku u qed jistaqsu: issa kif se nagħmlu biex flok fuq it-tanker tal-gass in-nies jitkellmu fuq xi haġa oħra? X’se nivvintaw? X’devjazzjoni se nagħmlu biex indawwru l-attenzjoni fuq xi ħaġa oħra?
1. L-ewwel se jivvintaw xi ħaġa dwar xi ħadd mill-Oppożizzjoni biex mingħalihom joħolqu skandlu dwarna, kif fil-fatt għamlu llum dwar Beppe Fenech Adami - allegazzjonijiet li Beppe ċaħad kategorikament mill-ewwel u li jekk xejn, il-mistqosija tqum, għaliex il-Gvern m’għamel xejn fi tliet snin u nofs.
2. Biex jiddevjaw l-attenzjoni, fil-baġit ta’ bħal għada ġimgħa, se jħabbru roħs ieħor fil-kontijiet tal-dawl u l-ilma biex in-nies jassoċjaw it-tanker mar-roħs, meta dan huwa qerq, għax ir-roħs imissu ilu li tah u mhux ħallieh għal meta jasal it-tanker. Jiena ngħidlu, iva, raħħas il-kontjiet. Imissek ilek li raħħasthom. Imma tipprovax tiftaħar b’rix ħaddieħor. Ir-roħs mhux grazzi għat-tanker. Ir-roħs ġej grazzi għall-politika tal-Partit Nazzjonalista. Il-Prim Ministru qisu pagun falz! Il-pagun għall-anqas jiftaħar b’rixu, imma int trid tiftaħar b’rix ħaddieħor!