Il-Bomba u l-ħasil tal-flus
Ma ħarablu xejn lill-Bużu - L-ewwel edizzjoni tar-rubrika mingħand John Busuttil, li se tibda tidher fil-ħarġiet tal-ILLUM
minn John Busuttil
L-editur naħseb li kellu xi spazju żejjed u ried jimlieh. Għalhekk bi kliem ħelu, ġegħelni naħseb (mingħalih) li jogħġbu l-istil tiegħi u għandu bżonn li niktiblu bi stil skjett (jew bla kantunieri) tiegħi rubrika analitika u satirika fl-istess ħin, dwar dak li jkun ġara matul il-ġimgħa.
Ifhimni, ma tanix xi biċċa xogħol impossibbli għax dil-gżira għalkemm żgħira, dejjem b’xi ħaġa interessanti li tqajjem argumenti sħaħ fuq l-akbar ġurnal u bl-aqwa ġurnalisti...Facebook.
-----------------
Din il-ġimgħa bdejna bil-bombi u l-ħasil tal-flus u spiċċajna bil-morning after pill, Salvu Mallia u Glen Bedingfield b’Saviour Balzan jirnexxilu jħollilhom ilsienhom u jgħidu dak li l-kapijiet tagħhom qatt ma qalu. Issa anke Glen, f’daqqa waħda qed jaqbel li kieku kien Konrad Mizzi kien jirriżenja minħabba l-każ tal-Panama. Għandi f’moħħi li malli daħal Kastilja qala xi tbeżbiża mingħand Joseph li messlu lill-istar candidate tiegħu. Wara kollox, ma qal xejn differenti milli qal Evarist Bartolo f’intervista fuq din il-gazzetta, li Konrad imissu irriżenja, avolja meta ġie għas-si u n-no Varist ivvota favur li Konrad jibqa’ ministru. Ma nafx imma qed inxomm li meta jkunu ’l bogħod minn Muscat, iħossuhom aktar komdi li jgħidu dak li vera jħossu. Tgħid veru kif jgħid Salvu Mallia, li Muscat hu speċi ta’ alla u ma jista’ jmerih ħadd?
Tisma’ lill-Prim Ministru, taqra l-ġurnalisti ‘ħomor’ fuq Facebook u tisma’ lilu fuq Dissett, jikkonvinċuk li Konrad Mizzi hu ministru ‘Bomba’. U dwar dan hawn speċi ta’ qbil ma’ Malta kollha, għax issa qed jgħidu li ġab bomba f’Marsaxlokk. Għalkemm jidher li f’daqqa waħda din il-bomba enormi qed tinbidel fi trikki trakki, fejn anke Ann Fenech li hi aġenta ta’ żewġ vapuri bl-LNG, skont Glenn Bedingfield, qalet li hi qatt ma qalet li l-vapur hu bomba, iżda l-mappa fuq it-televiżjoni ħarġitha biss biex tipprova ssib it-teżor moħbi...jiġifieri l-kuntratti u r-rapporti maqfula u moħbija sew.
Bil-ħaqq, Konrad quddiem Reno Bugeja f’Dissett kważi bikkieni meta qalilna li wara li salva lil Malta minn diżastru ekonomiku, għamel żball wieħed li donnu l-poplu ma jridx jaħfirlu li fetaħ kont vojt fil-Panama. Naħseb li mhux il-poplu biss ma jridx jaħfirlu iżda lanqas sħabu fil-parlament u fl-OPM għax issa wieħed, wieħed qed jaqblu li jmissu żarma. Speċjalment li meta jitkellem fil-Parlament mhu qed jisimgħu ħadd għax tal-Oppożizzjoni jmorru jieħdu kafè fil-ħin li jiftaħ ħalqu l-imsejken Konrad.
Fl-istess programm, Marthese Portelli xejn ma kkonvinċiet meta ġiet mistoqsija x’se jagħmel bit-tanker il-partit tagħha meta se jkun fil-gvern (għax skont Simon se jirbaħ żgur u m’hemmx dubju dwar dan), hi baqgħet iddur mal-lewża u qalet li trid tara r-rapport tas-sigurtà. F’kelma waħda ma kelliex risposta inkella tafha u taf li se tħallih fejn hu, u riedet taħrab minnha.
------------
U mal-bomba ta’ Marsaxlokk faqqgħet bomba oħra f’Birkirkara bl-isem ta’ Beppe. Jidher li tfaċċaw xi flus li nħaslu meta kien riħ isfel u ma nixfux sew u lemaħhom ġurnalist Ingliż imperċċin. Iżda skont il-Partit li għalih l-onestà kollox, hawn m’hemm xejn ħażin għax l-istorja ħarġet meta daħal it-tanker ‘bomba’ u allura ma tiswiex. Għax f’Malta dubju ta’ korruzzjoni ma jistax ikollok aktar minn wieħed kuljum!
----------
1001 nights hu kollezzjoni ta’ stejjer tal-Lvant nofsani ambjentati fis-snin tad-deheb tal-Iżlam. Naqqas wieħed u jkollok 1,000 ritratt meħuda fiż-żmien tad-deheb tal-Partit Nazzjonalista meta kien jitmexxa minn Eddie. Innutajt li fil-ktieb mill-isbaħ ‘Eddie f’1,000 ritratt’, ma kull tliet paġni jitfaċċa switcher (jien hemm qiegħed).
Minkejja dan, illum jidher li ħafna switchers qed isiru swingers li qishom Tarzan jaqbdu ma’ kull ħabel li jsibu minn siġra għall-oħra. Fil-fatt, Marlene Farrugia tfakkarni ħafna f’Jane ta’ Tarzan għax hi esperta biex ittir ma’ kull ħabel li tara quddiemha. Twieldet Laburista, ikkontestat man-Nazzjonalisti, dejquha u reġgħet marret mal-Laburisti, Joseph ma ssodisfahiex u fetħet il-Partit Demokratiku li dam mill-Milied sa San Stiefnu u għalhekk sabet quddiemha l-ħabel tan-Nazzjonalisti u qabdet miegħu tiġri wara t-Tarzan ġdid tan-Nazzjonalisti, Salvu li taħt il-gwida tal-Kap tiegħu (il-kuxjenza) ħalef li jniżżel lill-Imperatur Muscat minn fuq it-tron.
----------
U l-kap ta’ Malta Tagħna Lkoll jidher li ddeċieda li f’dahru jilqa’ biss lil min jirbaħ. Telliefa jibqgħu barra! Laqa’ f’dahru lit-tim nazzjonali ta’ taħt il-21 sena tal-futbol li rebħu, lit-tfajliet tal-futbol tal-U17 li rebħu u lit-tim Nazzjonali tal-kbar li tilfu, ma stedinhomx.
----------
U fl-aħħar qbilna f’waħda, Metsola bi tliet itfal u ieħor fit-triq u Miriam Dalli bi tnejn, jaqblu mal-morning after pill.
-----------
U filwaqt li Simon startja l-magna għal rebħa ċerta (skont kif qal lill-editur tal-ILLUM) Joseph għada se jagħtina ċ-ċejċa fil-baġit. Se jkun baġit soċjali, kollox imqassam b’ġustizzja. Kważi €2 għalija u għalik u eluf għas-suldati tal-azzar.
----------
U jekk l-editur jaħseb li din ir-rubrika se niktibielu kull ġimgħa għandu żball għax niktibha meta jkolli aptit.