Il-Kap tal-Oppożizzjoni, fid-diskors tiegħu bħala risposta għall-baġit li tħabbar nhar it-Tnejn li għadda qal li dan huwa baġit kożmetiku. Sostna li anke b'ammissjoni tal-Gvern stess, iktar minn kwart tal-miżuri mħabbra fil-baġit tas-sena li għaddiet baqgħu ma sarux.
Kif kien qal fir-reazzjoni tiegħu wara l-istess baġit ġimgħa ilu, "dan huwa baġit tal-cut u l-paste," u hawnhekk semma diversi miżuri partikolarment f'Għawdex li qal li kienu ilhom jiġu mwiegħda minn baġit għall-ieħor għal snin sħaħ. Fost l-oħrajn semma l-fibre optic cable bejn iż-żewġ gżejjer, casino f'Għawdex u l-fast ferry. Insista li fil-baġit ta' din is-sena, wara li kienu msemmija f'baġits preċedenti, ma ssemma xejn fuq il-cruise liners u yacht marina fil-gżira Għawdxija.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni fakkar li l-Partit Nazzjonalista kien ħareġ bi pre-budget document li kellu 91 proposta. Busuttil qal li huwa pass pożittiv li ttieħdu 18-il proposta minn dan id-dokument u nsista li, "kellu bżonn li kull Gvern ikollu Oppożizzjoni li taqsam l-ideat."