Il-liġi tal-copyright m'għandhiex toħnoq lin-negozji żgħar

... “dawn l-SMEs qed jaffaċċjaw sfidi u kif huwa fl-interess tal-Ewropa li ma npoġġux aktar piżijiet fuqhom.” Comodini Cachia

Therese Comododini Cachia
Therese Comododini Cachia

“Li nagħmlu l-copyright aktar effikaċi għall-SMEs ma jfissirx li għandna noħonqu l-innovazzjoni jew li ndaħħlu fis-seħħ liġijiet li jkunu ta’ piż fuqhom. Jeħtieġ riforma ġusta li tipprovdi ċertezza legali u ssaħħaħ it-tkabbir tal-industriji żgħar u medji u l-innovazzjoni.” L-Ewroparlamentari Maltija Therese Comodini Cachia qalet dan waqt il-ftuħ tal-attività “Making Copyright Work: The Impact of Neighbouring Rights on European SMEs and Innovation” li saret fl-Parlament Ewropew fi Brussell. Din l-attività kienet organizzata mill-Grupp Ewropew tal-SMEs fil-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew.

Comodini Cachia spjegat kif is-settur kreattiv u kulturali fl-Ewropa huwa magħmul minn numru kbir ta’ SMEs, li rridu narawhom jikbru u jsaħħu l-innovazzjoni. Qalet li “dawn l-SMEs qed jaffaċċjaw sfidi u kif huwa fl-interess tal-Ewropa li ma npoġġux aktar piżijiet fuqhom.”

Comodini Cachia rrimarkat matul id-dibattitu dwar il-copyright, li hemm SMEs li għandhom numru ta’ rwoli u għalhekk hemm il-bżonn li jiġu mistħarrġa l-proposti kollha li saru mill-Kummissjoni Ewropea biex jiġi analizzat l-effett tagħhom fuq l-SMEs. Qalet li “meta niddiskutu d-drittijiet, irridu nżommu f’moħħna li għandna wkoll fost l-oħrajn SMEs li huma pubblikaturi tal-ġurnali u analisti tal-aħbarijiet. Dawn kollha għandhom kontribut fis-soċjetà tal-lum u għalhekk irridu nsibu mod kif il-copyright tkun effettiva għalihom. Irridu nieħdu deċiżjonijiet li jiffaċilitaw it-tkabbir tal-industriji żgħar u medji Ewropej fis-Suq Wieħed Diġitali, dan iżda ma jfissirx li ma jkunux marbuta bir-regoli tal-copyright.”

L-attività ġabet flimkien membri tal-Parlament Ewropew minn gruppi politiċi differenti, uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea, rappreżentanti ta’ SMS mill-publikaturi tal-ġurnali, analisti tal-aħbarijiet u stakeholders oħra, fejn iddiskutew il-proposti mħabbra mill-Kummissjoni dwar ir-riforma tal-copyright. L-Ewroparlamentari Maltija Therese Comodini Cachia hija rapporteur u qed tmexxi d-dibattitu għal din ir-riforma.

 

More in Politika