Bejn Brexit u Trump-enter

Malli tħabbret ir-rebħa ta’ Trump ħafna ftakru fir-rebħa ta’ Farage...ILLUM tħares lejn dak li għamel iż-żewġ avvenimenti simili

Żewġ pajjiżi differenti. Żewġ kontinenti. Żewġ ‘klassijiet’ ta’ politiċi differenti. Żewġ għanjiet differenti. Imma simili ħafna fil-mod kif kisbu rebħa xejn mistennija.

Trump kien għad kellu 220 siġġu, Pennsylvania kienet għadha fil-bilanċ, bħal Michigan u t-tamiet tad-Demokratiċi kienu għadhom qed iżommu ma’ ftit tentuf, imma l-paralleliżmi mhux biss f’moħħ ħafna telespettaturi, imma wkoll fuq il-BBC kienu diġà bdew. Paralleliżmi bejn dak li seħħ meta il-poplu tar-Renju Unit ivvota biex jitlaq mill-Unjoni Ewropea u r-rebħa ta’ Trump fl-Istati Uniti, aktar kmieni din il-ġimgħa.

L-ILLUM tagħti ħarsa lejn diversi kwistjonijiet, fatturi u anke reazzjonijiet wara r-rebħa ta’ Trump u tanalizza jekk il-paralelliżmi humiex reali u ġustifikati.

 

L-immigrazzjoni mill-ġdid

L-immigrazzjoni kienet karta li ntużat fiż-żewġ kampanji, forsi b’suċċess akbar fir-Renju Unit, fejn din il-kwistjoni kienet kardinali għall-vot favur il-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE. ‘Il-barranin qed jeħdulna xogħolna’, ‘qed jiġu l-kriminali mal-immigranti’, ‘hemm bżonn li nikkontrollaw il-fruntieri’, ‘ħajt fuq il-fruntiera’, mhumiex argumenti aljeni. Anzi!

Il-kampanja ‘Leave’ immexxija mill-United Kingdom Independence Party (UKIP) kienet taf sew li n-narrattiva kontra ‘l-barranin li qed jeħdulna xogħolna’ kienet se tinżel tajjeb speċifikament ma’ faxxa ta’ nies li jew huma mingħajr impjieg jew li nkella qed jgħixu bl-eżatt. Trump jaf li fost faxxa ta’ votanti Amerikani hemm ċerta antipatija u anke preġidizzju lejn numru ta' Messikani, li qasmu l-fruntiera u li llum qed jgħixu fl-Istati Uniti. Naturalment, il-preġudizzju huwa faċli li tbigħu, speċjalment meta warajh ikollok l-injoranza dwar ir-razza differenti, kif ukoll każi reali ta’ kriminalità li ġejja mill-fatt li ħafna mill-immigranti jkunu mċaħħdin ekonomikament.

Trump immira lejn il-Messikani u Nigel Farage lejn il-Pollakki. Trump wiegħed ħajt, bħal dak li bnew l-Ungeriżi u l-Bulgari, biex iżomm l-immigranti ’l bogħod: kunċett antik li jippromovi l-firda u l-mentalità ta’ politika ta’ assedju. Kemm fil-prattika vera se jibni ħajt, jibqa’ fatt li jafu Trump biss.

Rivoluzzjoni tal-ħaddiema?

Dawk li jissejjħu ‘blue collar workers’ kienu kruċjali fiż-żewġ deċiżjonijiet. Trump ħares lejhom għall-appoġġ u ħa l-appoġġ sħiħ mingħandhom, filwaqt li Farage għamel l-istess.

Il-ħaddiema f’xogħol manwali huma probabbilment l-inqas voċiferi fuq il-mezzi tax-xandir u probabbilment allura l-aktar miżrappreżentati. Sfortunatament, it-telf ta’ impjiegi jew diffikultajiet finanzjarji tagħhom jitgħattew taħt muntanja ta’ statistika u ħafna drabi l-problemi jkunu trivjalizzati. Fl-aħħar tal-ġurnata, Trump induna li kien hemm ġerħa partikolari fost eluf jekk mhux miljuni kbar ta’ votanti li ħassewhom minsijin u mogħtijin il-ġenb.

Tkellem il-lingwa tagħhom u rebaħ, kif tkellem il-lingwa tagħhom Farage.

Lokali vs. Internazzjonali

Kull elezzjoni hija ritratt preċiż tas-sitwazzjoni f’dak il-pajjiż partikolari. Ħadd jew ftit kienu dawk li fehemu r-riżultat fir-Renju Unit meta b’marġini ta’ 4% il-poplu ddeċieda li jmur għall-Brexit. Ħafna, anke f’Malta, ikkritikaw din id-deċiżjoni u sabuha inkredibbli.

Imma ħafna jinsew il-kumplessità ta’ kull elezzjoni, li fiha jitħalltu aspetti soċjali differenti, b’aspettativi differenti. Ix-xogħol, l-ekonomija, l-avvanz personali ta’ individwu jew politiku, l-impjieg, il-livell ta’ għixien, il-benessere tal-familja u ħafna oħrajn jistgħu jiġu qabel it-tħassib ta’ min qed iħares minn barra.

Għal dak ir-raġel minn Manchester, il-fatt li ma kellux impjieg, kien iktar importanti minn kemm se jinżlu l-istokks jekk iseħħ Brexit. Għal dik il-familja minn Kentucky li qed tissielet biex tgħix u leħinha ma jasal qatt, għand ħadd, li sseħħ bidla kienet bil-wisq iktar importanti min x’jaħseb xi burokratiku jew xi ġurnalist barra, fl-Ewropa.

Sens nazzjonalista vs. globalizazzjoni

Sirna villaġġ wieħed, kontinent wieħed u dinja waħda fejn m’hemmx fruntieri. Imma vera? Kemm il-vot Brexit u anke r-rebħa ta’ Trump jikxfu element ta’ suċċess fl-appell għas-sens nazzjonalista tal-votanti. ‘Making America Great Again’, ‘Lets take Back Control’ u għajtiet oħrajn appellaw għas-sens ta’ kburija, ta’ nazzjonaliżmu u tal-‘aħna kontra huma’.

Dan b’kuntrarju għat-telfiet jew tkaxkiriet li ġarrbu l-għajtiet ‘Stronger Together’ ta’ Hillary Clinton u ‘Let’s stick together’ tal-kampanja ‘Leave’ mmexxija mill-eks Prim Ministru Ingliż David Cameron.

Ma mmorrux ’il bogħod. L-għajtiet hawn Malta ta’ ‘Rajna f’idejna’ u ‘Malta l-ewwel u qabel kollox’, kienu u jibqgħu popolari.

Is-sena ta’ kburija nazzjonali jibqa’ kunċett popolari, u Farage u Trump ħelbuh kemm felħu.

Il-Media: Il-vuċi ta’ min?

Il-midja hija waħda mill-pilastri li fuqhom tistrieħ demokrazija. Imma fil-każ tal-Brexit u issa l-elezzjoni ta’ Trump, tajjeb nistaqsu liema lingwa kienet qed titkellem il-midja.

Il-kamp favur Brexit, u Trump bħalu, kellu l-maġġoranza tal-midja mainstream fermament kontrih. Il-kritika kienet kontinwa u r-redikolu lejn il-persuna ta’ Farage u Trump ma waqfux.

Min, bħalna f’Malta segwa l-media, ftit tħalla f’dubju li Clinton kienet se tirbaħ u ftit tħalla f’dubju li r-Renju Unit kienet se tibqa’ fl-UE. Jiġifieri jew il-midja kienet selettiva f’liema vuċijiet riedet issemma, jew kienet preġudikata lejn faxxex ta’ nies ‘għax dawk injoranti’, jew tħalliet tinbela’ f’bużżieqa fejn ir-realtà tal-kamra tal-aħbarijiet, issir mera falza għad-dinja jew agħar minn dan kollu, qed titlef ir-rilevanza li tikkonvinċi.

Il-vot jgħodd mhux is-sondaġġ

Is-sondaġġi qabel il-Brexit kienu juru li l-kamp li ried lir-Renju Unit jibqa’ fl-Unjoni Ewropea kien se jirbaħ. Is-sondaġġi kellhom żball. Qabel l-elezzjoni ta’ din il-ġimgħa, is-sondaġġi kienu juru lil Clinton b’4% minn fuq u kienu qed jirraportaw li kien hemm ċans ta’ 90% li Clinton tkun l-ewwel President mara tal-Istati Uniti. Kienu żbaljati wkoll.

Naturalment, sa ftit sigħat wara r-riżultat kienu bdew it-teoriji ta’ x’seta’ mar ħażin. Fuq bosta stazzjonijet, fosthom is-CNN (magħruf li kien qed jappoġġja lil Clinton) u anke l-Euronews, ftit wara li ħareġ ir-riżultat kienu bosta t-teoriji, fosthom li bosta ma xtaqux jgħidu lil min se jivvutaw verament jew inkella gidbu.

Dawn iż-żewġ avvenimenti tefgħu f’dubju serju mekkaniżmu li jintuża madwar id-dinja, biex issir evalwazzjoni kontinwa ta’ x’qed jgħidu jew iħossu n-nies. Għalkemm is-sondaġġi jibqgħu dejjem suxxettibbli għall-ineżattezzi, f’dawn iż-żewġ avvenimenti segwiti minn miljuni kbar ta’ nies, id-differenzi kienu konsiderevoli u r-riżultat dijametrikament oppost.

‘Qabda injoranti’  

Ir-reazzjoni għar-riżultat tar-referendum li wassal għall-Brexit ġab miegħu mewġa ta’ insulti u aġġettivi lejn dawk li vvutaw favur Brexit. ‘Injoranti’, ‘ix-xjuħ iddeċidew għaż-żgħażagħ’ ‘boloh’, ‘illitterati’. Insomma ħafna tgħajjir. Dawk li vvutaw lil Trump spiċċaw ukoll fil-mira ta’ tgħajjir simili ħafna.

Naturalment, id-diżappunt fiż-żewġ każi kien mistenni. Imma f’diversi mumenti, wara l-vot Brexit, tant kien palpabbli u tant żdiedet id-doża ta’ insulti lejn il-maġġoranza li għażlet b’mod demokratiku, li l-mexxejja Ingliżi kellhom jasserixxu bosta drabi li ‘Brexit is Brexit’. L-iskumdità lejn ir-riżultat tal-elezzjoni fl-Istati Uniti kienet tal-istess intensità, bl-istess kullana ta’ insulti.

Klassi u Klassiżmu

Anke jekk ħadd mhu se jasal jammetti, ħafna mit-tgħajjir huwa riflessjoni ta’ klassiżmu sfrenat u mrażżan biss taħt il-mantell tal-korrettezza politika. Dan mhux ġej mix-xejn, imma ġej minħabba li fiż-żewġ każi, Brexit u elezzjoni fl-Istati Uniti, il-qasma soċjali kienet pjuttost aċċentwata.

Il-vot favur Brexit kellu għeruq sodi, fost settur tal-popolazzjoni mis-saffi t’isfel u fi bliet tal-‘ħaddiema’, u fejn il-faqar huwa iktar prevalenti. L-istess Trump. Kellu appoġġ ikbar fost is-saffi t’isfel u medju-isfel u fost dawk li għandhom livelli inqas għoljin ta’ edukazzjoni. Dan filwaqt li Clinton attirat aktar il-vot urban, klassi medja u għolja u b’livell ogħla ta’ edukazzjoni.

Il-klassi lagħbet parti importanti f’dawn l-elezzjonijiet. Il-klassiżmu ġie wara. 

More in Politika