Pana-ssata fi Triq Zekka u froġa tajba għand l-FTS

..it-tliet skandli li żammew lill-ġurnalisti, gazzetti u lill-pajjiż jiddiskutu fl-2016 

Tkompli l-analiżi tal-ILLUM fuq min tela' u min niżel matul l-2016, wara li aktar kmieni ġiet ippublikata l-ewwel parti fejn fiha rajna sena mimlija sfidi għall-Gvern ta' Joseph Muscat, imma wkoll kif Simon Busuttil, dak l-għanqud għeneb qishu ma jista' jilħqu b'xejn...

F'din it-tieni parti se naraw kif marru Evarist Bartolo, Konrad Mizzi u Michael Falzon, kif ukoll Chris Fearne, Beppe Fenech Adami u l-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar.

Min tela' ? Min niżel ? u min ħa tisbita ? ...nibdew:

 

Michael Falzon - Tisbita

Hekk hu, ma kinitx sena faċli għal Michael Falzon hekk kif kellu jirreżenja ftit wara l-pubblikazzjoni tar-rapport tal-awditur li kien bħal dik iċ-ċirasa maqtugħa u ħażina pesti fuq torta mnawra, servuta minn waiter verament qalbu perżuta għall-fqir bil-kunjom ta’ Gaffarena (Miskin! Voluntier kien ġej).

Insomma malajr, malajr. Il-każ Gaffarena fi ftit kliem u mingħajr id-dettalji kollha, bħall-laqgħa li Gaffarena kellu fl-OPM ma’ Falzon, biex jiddiskutu l-bajtar tax-xewk u l-fatt li ġuvni li jħobb jieħu s-selfies għax ħelu wisq f’daqqa waħda sar ‘il-King tal-Lands’ u akkumpanja lil Gaffarena sal-Baviera (Il-Lands). Ninsew ukoll li bħala Segretarju Parlamentari, Falzon kien hu stess li awtorizza l-espropriju għax qal kien jafda lil dawk ta’ madwaru u li kienu jafu x’inhuma jagħmlu (jekk vera kienu jafu x’inhuma jagħmlu l-Lands, fil-vera sens tal-kelma fottewh waħda sew lil Falzon).

L-importanti hija li minn din it-torta kollha, Gaffarena ħa €616,875 iktar milli suppost ħa fl-ewwel espropriju, u fit-tieni espropriju tal-istess binja (ma tafx hux! La qlejt bajda, taqli tnejn) reġa’ ħa €411,250 iktar milli suppost. Dan ifisser iktar minn €1 miljun minn dak li verament kellu jieħu. U iva, miljun ’l hawn u miljun ’l hemm!

Dan apparti li bħala kumpens, ingħata wkoll artijiet li jinsabu f’Baħar iċ-Ċagħaq, Ħal Qormi, is-Siġġiewi u Tas Sliema għall-ewwel proprjetà b’valur ta’ €683,610 u €138,890 oħra fi flus kontanti biex jagħmlu tajjeb għad-differenza. Għat-tieni espropriju, ngħata proprjetà f’Baħar iċ-Ċagħaq u Ħaż Żebbuġ b’valur ta’ €445,000 u €377,500 fi flus kontanti.

U biex tgħaxxaq, jirriżulta li Gaffarena kien jaf minn qabel dwar din l-esproprijazzjoni. Kemm kien jaf ma nafux, imma kien jaf.

Micheal Falzon irreżenja jew kien imġiegħel jirreżenja, ġie pjuttost umiljat f’konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja li matulha ma tbissimx darba u kellu rabja iktar mill-iljun tal-bidla, u minfloku inħatret Deborah Schembri. 

Kienet sena ħażina għal Michael, u anke għall-King, miskin! Imma tal-inqas bdewlna s-sena b’torta!

 

Konrad Mizzi – Tisbita kbira 

Lanqas kienu laħqu ħadu sandwich biex jistrieħu minn Gaffa-Gate, il-ġurnalisti li ma waqgħetx mis-sema kwistjoni li ħalliet Gvern imbenġel waħda sew. Għax jekk ma kinitx sena tajba għal Michael Falzon, kienet sena katastrofika għal Konrad Mizzi. Minn Minisru ta’ kollox, għal Ministru tal-‘għat-taparsi’ xejn. Dan jekk ma ninsewx li kiser ir-rekord tal-aktar Deputat Mexxej tal-PL li dam l-inqas fil-kariga.

Ħa nibdew bil-pożittiv, biex inkunu ġusti wkoll! Konrad, jekk salva l-Enemalta mill-bir tad-drenaġġ li ħalliha fih Wistin Gatt u sħabu tal-PN, biżżejjed hu. Jekk għalaq il-Power Station tal-Marsa, li kienu se jagħlqu n-Nazzjonalisti (għax in-Nazzjonalisti kollox kienu se jagħmlu u anke li qed isir illum għamluh huma, kollox huma!) biżżejjed hu. Din is-sena daħal it-tanker li se jissuplixxi l-gass lill-Power Station il-ġdida mwiegħda mill-Labour. Dan grazzi għax-xogħol ta’ Konrad ukoll, għax grazzi għalih se jkollna Power Station li taħdem bil-gass.

Allura fejn mar ħażin is-‘Superman’?

  1. -  Għax kellu jiftaħ kont, minn tant postijiet, fil-Panama. Pajjiż fejn jiftħu kontijiet is-super-korrotti, is-super-despotiċi, is-super-dittatorjali, is-super-monarkiji, is-super-ħa*****a eh, iva, u s-super-men
     
  2. -  Għax il-Panama kienet u għadha (għalkemm inqas) magħrufa bħala ġurisdizzjoni li n-nies jitfgħu flus fiha biex ma jħallsux taxxa
     
  3.  -  Għax meta intervistat mill-MaltatToday, Konrad kien selettiv u nesa jsemmi li l-kumpanija ‘shell’ tat-trust f’New Zealend fil-fatt tinsab fil-Panama.
     
  4.  -  Għax Konrad Mizzi, kien l-unika Ministru mill-Ewropa kollha li ħass li kellu jagħmel din il-biċċa xogħol mill-aktar ‘normali’ (għalih).
     
  5.  -  Għax Konrad, ma ddikjarax li kellu dan il-kont fid-dikjarazzjoni tal-assi li d-deputati jagħtu għall-iskrutinju tal-pubbliku, u lid-Dipartiment tat-Taxxi Interni u nqabad bil-qalziet imniżżel.
     
  6.   - Għax irriżulta li l-kont ta’ Mizzi kien sar biex ikunu jistgħu jidħlu fih kummissjonijiet ukoll, għalkemm mhux ċar minn fejn kienu se jiġu dal-kummissjonijiet.
     
  7. - Għax biex tgħaxxaq, id-dati tal-ftuħ tal-istess kontijiet/kumpaniji saru eżatt wara l-elezzjoni u allura ngħatat l-impressjoni li l-ftuħ tagħhom kien premeditat.
     
  8. -  Għax Konrad Mizzi kien il-Ministru responsabbli minn diversi kuntratti kbar u importanti. Fatt li lagħab parti importanti fl-insinwazzjonijiet ta’ bosta li b’xi mod hemm rabta bejn il-kontijiet u l-kuntratti.
     
  9. -  Għax ikkonfrontat minn dan kollu, Konrad mhux talli ma rreżenjax minn jeddu, talli tefa’ l-ballun f’saqajn Muscat u qallu li jekk irid ikeċċih hu
     
  10. - Għax ġab lill-Prim Ministru Joseph Muscat jidher bla saħħa u mhux deċiżiv biżżejjed bil-konsegwenza li beda jitlef l-awtorità morali li kellu għal tant żmien.

Jekk qatt kien hemm qassata, kienet din. Qassata, taħraq, għadha ħierġa mill-forn, mimlija rkotta friska u perfetta għal ma’ dik in-naqra kikkra te. Taf x’jonqsha biss? Naqra egrant on-the-side.

 

Evarist Bartolo – Niżel

Wara t-torta tat-tnawwir f’Jannar, u l-qassata bl-egrant minn Frar sas-sajf, is-sena għalqet b’naqra deżerta ħelwa. L-istarter ħadnieh Triq Zekka, il-main course fil-Panama u d-deżerta fil-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada.

Lejn l-aħħar tas-sena, il-gazzetta Maltatoday żvelat kif Philip Rizzo, il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada kien irreżenja wara li ma felaħx għal aktar mill-allegat korruzzjoni u inazzjoni dwarha fejn kien qed imexxi. Ipponta subgħajh lejn Edward Caruana. Min hu dan? Person of trust tal-Ministru Evarist Bartolo. Alla jbierek, dan Caruana allegatament kien imur hu bil-cash għand il-kuntratturi! U iva, b’daqshekk! Qisek sejjer titfa’ s-soldi fis-sassla tal-Kapillan, hux?  

Ifhem vera, Varist kixef ħafna mill-emails u ħafna mill-korrispondenza li kellu mal-istess Rizzo u vera li ddistanzja lilu nnifsu minn Dwardu u li m’hemm xejn s’issa x’jindika li Varist imdaħħal. Imma l-fatt li dan Caruana, li issa għaddejja investigazzjoni fuqu, kien kanvasser tal-istess Bartolo ma tefgħux eżattament fl-isbaħ dawl. Ma’ min rajtek xebbaħtek, jgħid il-Malti u min tagħżel biex idawrek, jiddefinik fil-politika.

Ħa nfakkru naqra f’analiżi fuq din il-gazzetta stess nhar l-24 ta’ Jannar 2016. Dakinhar, dwar il-Torta ta’ Gaffarena u r-reżenja ta’ Falzon konna għidna hekk:

‘Jeħtieġ li jidħol kodiċi strett, mhux biss għall-Ministri preżenti u prospettivi, iżda wkoll għal dawk li l-Ministri jimpjegaw magħhom. Ma jistax ikun li jibqa’ jkollna każi ta’ nies li jaħsbu li għax huma qrib persuna ta’ poter, allura jistgħu jieħdu l-liġi b’idejhom jew jgħawġu r-regoli kif jaqbel lilhom. Għax wara kollox, meta niġu għas-si u n-no, dawn il-cowboys kollha jmorru jinħbew.’  

Issa aħna nafu li l-ILLUM ma taqlax wisq inċens mingħand ebda partit. Ma jimpurtax, sinjal li qed nagħmlu xogħolna. Imma tal-inqas nippretendu li dawk li ma jgħidux li jaqrawna għax m’aħniex importanti (però xorta jaqrawna)  jagħtu każ tal-messaġġ li qed jitwassal.

Insomma, Varist vera li ma kellux valanga ta’ twerżiq ġej għal wiċċu bħal ‘sieħbu’ l-għażiż Konrad, imma xorta dan il-każ tappanlu xi ftit mill-immaġini tiegħu. Għalhekk ma kinitx sena tajba għal Varist.

Nisperaw li l-Pana-assata għoġbitkhom, kif għoġbitkom it-torta ta’ Strada Gaffa...eh sorry Zekka u anke d-deżerta mżewqa b’togħmiet tajbin li jafu jagħmlu biss Varist u l-persons of trust tiegħu!

Tantx idumu titfewquhom, għax jista’ jkun li l-kbir xorta għadu ġej!

 

Chris Fearne – Tela’

Jekk kien hemm xi ħadd li tela’ l-iskaluni fil-Gvern żgur li huwa Chris Fearne. Mhux qed ngħiduh aħna dan, lanqas xejn. Qaluh il-fatti fl-istħarriġ tal-MaltaToday li wera kif Fearne huwa l-aktar Ministru popolari fost il-poplu u t-tielet l-aktar popolari fost il-Laburisti.

Li Fearne tela’ erba skaluni f’daqqa, probabbilment huwa minħabba li bħal diversi Ministri oħrajn (u qed ninkludu lil Evarist Bartolo hawn) il-qasam li jmexxi hu, ħa spinta ’l quddiem u problemi li kienu ilhom hemm, jew ġew solvuti jew bdew jkunu solvuti. Dan ma tgħidux l-ILLUM, dan ‘qalu’ Joseph Muscat stess din is-sena meta tah promozzjoni għall-Ministru, u kulħadd, mhux l-ILLUM biss, qal li Fearne kien tassew ħaqqu. 

 

Beppe Fenech Adami -  Niżel

Din kienet is-sena li min ma kienx jaf fejn jgħix Beppe Fenech Adami, issa sar jaf. Għax kellna ritratti minn kull angolu, mit-triq, mill-ajru, mill-għoljiet u mill-kampnari, tad-dar, jew ‘palazz’ ta’ Fenech Adami.

L-akkużi kienu li Fenech Adami bena pixxina fuq art li mhux suppost inbniet jew ġiet żviluppata (ODZ) u mit-triq kollha, hu biss ingħata permess biex itella’ iktar sulari. Dawn l-akkużi ta’ preferenzi, li Fenech Adami ċaħad, ġew fid-dawl ta’ kritika tal-PN għal bini fuq art ODZ.

Xi ftit jew wisq, din il-kwistjoni tappnet il-kampanja tal-PN kontra bini fuq art ODZ u allura Fenech Adami ma kienx qed jidher f’dawl pożittiv. 

 

Il-Kummissarju Lawrence Cutajar – Tela’

Il-Kummissarju Lawrence Cutajar tela’ sew ’il fuq wara li ġie maħtur aġent Kummissarju, u sussegwentement Kummissarju tal-Pulizija, wara li Michael Cassar irreżenja mill-pożizzjoni, fejn qal li għamel dan minħabba raġunijiet ta’ saħħa.

L-ILLUM, lura, fit-8 ta’ Mejju kienet żvelat li qabel ma nħatar Cutajar, l-Assistent Kummissarju Silvio Valletta kien avviċinat għal din il-kariga, iżda hu, min-naħa tiegħu m’aċċettax. Minkejja diversi dubji u kritika inizjali, jidher li Cutajar qed jinżel tajjeb ma’ ħafna mill-membri tal-korp tal-Pulizija, u qed iżomm ’il bogħod mill-għajn tal-media u fil-fatt, s’issa franka ħafna kritika li kienu qalgħu kummissarji preċedenti. Dan, għaldaqstant jagħmel lil Cutajar ir-raba’ kummissarju maħtur minn dan il-Gvern.

More in Politika