Malta fit-tmun... tiftaħ uffiċjalment il-Presidenza Maltija
Għal Ewropa aktar soċjali, li titkellem aktar bil-lingwa tal-poplu, dwar dak li jolqot lill-poplu
minn Staff Reporter
Għall-ftuħ uffiċjali tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni, li sar illejla f'dar il-Mediterran għall-Konferenzi, fil-Belt Valletta, Il- Prim Ministru Joseph Muscat beda billi rringrazzja lill-kollegi tiegħu u liż-żewġ predeċessuri tiegħu Lawrence Gonzi u Eddie Fenech Adami, li huwa qal wittew it-triq għal-dak li qed niċċelebraw illum.
Muscat qal li bħala pajjiż realistiku, Malta se timmarka din il-Presidenza bil-prattiċità u l-attitudni tagħha
“L-isfida ta’ din il-Presidenza se tkun li nkunu prattiċi u li noffru soluzzjonijiet żgħar għall-problemi kbar u mhux nippretendu li nsolvu l-problemi tad-dinja kollha,” qal il-Prim Ministru, li żied jgħid li jaf li tul il-Presidenza tagħna żgur li mhux se nsolvu l-problemi kollha.
Muscat qal li r-realtà hija li n-nies ma jitkellmux mal-politiċi iżda bejniethom, u f’ħajjithom ma jitkellmux fuq l-ekonomija Ewropea, iżda fuq il-problemi li jolqtu lihom, bħal pagi, kontijiet, opportunitajiet ta’ xogħol u ta’ studju. Flok fuq direttivi, jitkellmu fuq il-prezzijiet tat-telefonati u fuq nuqqas ta’ aċċessibilta biex iċemplu meta jkunu msiefrin.
Dwar l-immigrazzjoni, Muscat qal li l-poplu jitkellem fuq il-biżà li l-immigranti qed joġdulhom xogħolhom u dwar id-diffikultajiet tal-integrazzjoni. Muscat qal li meta l-poplu jisma’ l-politiċi jitkellmu fil-Parlament dwar affarijiet li għalihom mhux rilevanti għal ħajjithom, iħossuhom li mhux qed jiġu ndirizzati l-problemi li jolqtu lilhom.
Fid-dawl ta’ dan, Muscat qal li allura, xogħolhom irid ikun li jitkellmu bil-lingwa tal-poplu, hekk kif jitkellmu u jiddiskutu fuq l-affarijiet li jinkwetaw lin-nies, fuq l-affarijiet li jeffetwawhom sabiex dawn jindunaw u jserrħu moħħom li l-Unjoni qed titkellem għalihom.
Muscat għaraf li l-Unjoni Ewropea qed taffaċċja sfidi kbar li qed jeffettwaw lill-popli, u temi bħal immigrazzjoni, ekonomija, sigurtà u r-relazzjonijiet ma’ pajjiżi bħar-Russja, Libja u Sirja jissaħħu.
Il- Prim Ministru saħaq li f’dawn is-sitt xhur se nkunu realistiċi dwar dak li jista’ jsir, u nkunu realistiċi dwar dak li qed jistaqsu n-nies u nagħtu t-tweġibiet tajbin. Huwa qal li jemmen li jistgħu jinstabu r-risposti ġenwini, għal dawn il-mistoqsijiet ġenwini li jagħmlu n-nies, li huwa saħaq li se jkunu qed jitqiegħdu fiċ-ċentru tad-diskussjonijiet.
Muscat qal li jittama li sa sitt xhur oħra jkunu ntlaħqu l-aktar għanijiet umli, li jindirizzaw il-bżonnijiet soċjali tan-nies u li l-presidenza ta’ Malta tkun biss bidu għal proġett Ewropew aktar soċjali u qrib tal-popli Ewropej.
Qabel il-Prim Ministru Muscat, taw id-diskorsi tagħhom Ian Borg, is-Segretarju Parlamentari għall-Presidenza ta’ Malta, li fetaħ iċ-ċerimonja u d-Deputat Prim Ministru, Louis Grech,
Qabilhom, il-President tal-Kunsill Ewropew, Donald Tusk li qal li hija ħaġa tajba li l-Presidenza ta’ Malta qed isseħħ fi żmien ta’ sfida kbira għall-Unjoni Ewropea, bil-kwistjonijiet tal-Immigrazzjoni fuq quddiem nett tal-agenda. Tusk saħaq li minkejja dawn il-problemi kollha, u minkejja d-daqs żgħir ta’ pajjiżna, Malta hija għall-Ewropa eżempju ta’ tmexxija u li jħossu kuntent li għas-sitt xhur li jmiss se tkun Malta fit-tmun tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Jean-Claude Juncker, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, li tkellem qablu, qal li ħassu onorat li jinsab f’dar il-Mediterran għall-ftuħ uffiċjali tal-Presidenza Maltija, hekk kif għall-benefiċċju ta’ dawk li mhux Maltin, ta’ daqsxejn ta’ storja ta’ dar il-Mediterran u l-irwol tagħha fl-istorja tal-ospitalità. Juncker fakkar li l-Belt Valletta se tkun il-Belt Kapitali tal-Kultura fl-2018, u qal li tul dik is-sena se jkun hawn Malta aktar minn darba biex igawdi ċ-ċelebrazzjonijiet fil-kapitali tagħhna.
U kif qal Jean-Claude Juncker fi tmien l-indirizz tiegħu, u li għall-okkażjoni qala bil-lingwa tagħna, “Viva Malta, Viva l-Ewropa u awguri għas-sitt xhur li ġejjin..”