L-2017: Is-sena li matulha Muscat ‘jikteb’ rebħa jew telfa
Presidenza, proġetti u l-Panama jafu jagħmlu l-2017 sena deċiżiva għal Joseph Muscat
minn Albert Gauci Cunningham
L-2017 se tkun sena deċiżiva, mhux biss fix-xena internazzjonali, iżda anke f'dik lokali. L-ILLUM qegħda tħares lejn mumenti, avveniment, proġetti, ġrajjiet kurrenti u deċiżjonijiet li mistennijin jittieħdu fl-2017.
X’impatt se jkollhom tali deċiżjonijiet? X’se jiġri minn dawn il-proġetti? X’deċiżjonijiet se jittieħdu? U għal liema partit politiku Malti l-2017 tista’ tkun sena verament deċiżiva?
Il-Presidenza li se tagħmel l-2017 waħda storika
Minn din il-ġimgħa bdiet il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Dan huwa mument importanti ħafna għal Malta hekk kif għajnejn is-27 pajjiż tal-Unjoni Ewropea se jkunu kollha fuq pajjiżna. Dan l-avveniment se jservi ta’ test qawwi għall-abbilitajiet organizzattivi u loġistiċi ta’ pajjiżna.
Politikament u simbolikament il-Presidenza Maltija, se tkun qed tħalli marka definittiva fuq l-2017. Politikament għaliex: 1) - Malta se tkun fit-tmun ta’ blokk politiku u se tkun hi li tiddetermina l-aġenda tal-istess pajjiżi, 2) – Għaliex il-Presidenza se tissimbolizza t-trasformazzjoni kompleta tal-Partit Laburista, mill-Partit ta’ Sant kontra sħubija fl-Unjoni Ewropea, għall-Partit ta’ Muscat li se jkun fit-tmexxija tal-Unjoni Ewropea u li allura jidher li huwa Ewropeista daqs il-partit li fil-fatt kien favur sħubija ta’ Malta fl-UE. Minkejja li l-istorja ma jbiddilha ħadd, il-Presidenza tal-UE taħt Gvern Laburista se tkun qed tnessi mill-memorja kollettiva, dak li għadu mwaħħal mis-snin tal-‘Partnership’.
Il-Presidenza hija iktar simbolika fin-natura tagħha u mhux se tagħmel miraklu lill-fortuni politiċi, iżda dan l-avveniment huwa dak li se jagħmel l-2017 waħda storika u l-avveniment li jista’ jpoġġi lil Malta fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet u l-pajjiż fejn jseħħu l-bidlet, pjuttost bħas-Summit li kien sar bejn Bush u Gorbachov f’Diċembru 1989.
Frar ifawwar il-bjar tal-Panama
Ix-xahar id-dieħel mistenni jerġa’ jqum il-każ tal-Panama Papers u l-involviment tal-Ministru Konrad Mizzi hekk kif se jkun qed jiltlaqqa’ f’Malta l-Kumitat dwar l-inkjesta tal-Panama Papers li ġie mwaqqaf mill-Parlament Ewropew.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-Gvern jilqa’ lil dan il-kumitat f’pajjiżna għax m’għandux x’jaħbi. Intant, xi ftit jew wisq, din l-inkjesta mistennija għal darb’oħra terġa’ tqajjem il-każ tal-Panama u ttellgħu ’l fuq fl-aġenda politika tal-pajjiż, xi ħaġa li mistennija terġa’ toħloq ammont ta’ imbarazzament għall-Gvern, b’mod speċjali meta suppost ikollu l-enerġija kollha ffukata fuq il-Presidenza.
Deċiżjoni dwar il-paga minima u baġit bonanza
Din is-sena mistennija tittieħed id-deċiżjoni dwar żieda fil-paga minima, anke jekk l-ILLUM żvelat kif l-imsieħba soċjali jidhru li jaqblu iktar li minflok żieda fil-paga nnifisha jkun hemm reviżjoni ta’ kif tinħadem il-COLA.
Huwa mistenni li l-Gvern iħabbar id-deċiżjoni tiegħu dwar bidla fil-mekkaniżmu rivedut tal-COLA, mill-MCESD, f’baġit bonanza, hekk kif ikun jaħbat ftit biss qabel l-elezzjoni ġenerali. La l-ewwel erba’ baġits kienu milqugħin b’mod pożittiv, ftit hemm ċans li l-aħħar baġit ma jkunx ħafna aħjar.
Delimara se taqleb għall-gass
Din is-sena, suppost sa Frar jew Marzu jekk jinżammu l-miri, huwa mistenni li l-Power Station ta’ Delimara taqleb għall-użu tal-gass, wegħda tal-Partit Laburista qabel l-aħħar elezzjoni.
Il-qalba għall-gass tal-Power Station ta’ Malta, flimkien mas-sorsi l-oħrajn minn fejn Malta se tixtri l-elettriku, għandu jagħmel l-aktar taħlita ta’ enerġija nadifa li qatt kellu pajjiżna.
Dan il-proġett jiġi ma’ roħs fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma li seħħ fl-ewwel sentejn ta’ din il-leġiżlatura u l-għeluq tal-Power Station tal-Marsa.
Minkejja li jidher li hawn kunsens favur din il-qalba u dan il-proġett, għad jeżistu biżgħat relatati ma’ saħħa u sigurtà tat-tanker, filwaqt li l-kuntratti relatati ma’ dan il-proġett, wara ħafna tlajja’ u nżul kienu ppubblikati. Xi paġni iżda tħallew vojta, fosthom il-paġni li trattaw is-saħħa u sigurtà.
Il-kuntratti dwar il-bejgħ tal-Enemalta lil Shanghai Electric għadhom ma kinux ippubblikati. Nistennew li dan jiġri fl-2017.
Malta tilqa’ l-ewwel studenti ta’ Barts
Fl-aħħar tas-sajf tal-2017 jibdew jaslu Malta l-ewwel studenti li se jkunu qed jieħdu kors fl-iskola medika ta’ Barts f’Għawdex, bl-ewwel korsijiet jibdew f’Settembru ta’ din is-sena.
Il-wasla tal-ewwel studenti f’Malta mistennija li tkun eżerċizzju opportun fir-relazzjonijiet pubbliċi għall-Gvern, hekk kif ħafna qed jistrieħ fuq is-suċċess ta’ dan il-proġett biex Gvern Laburista jkun jista’ jmur quddiem l-elettorat bil-ħolqien ta’ niċċa ekomomika ġdida u ħolqien ta’ impjiegi u opportunitajiet f’Għawdex, lil hinn mit-turiżmu.
Minkejja dan, matul l-2017 mistenni jkompli t-tħassib ta’ diversi tobba li jaħdmu fl-isptar ġenerali t’Għawdex, anke jekk il-Gvern assigura lil kulħadd li se jibqa’ fl-impjieg.
Għal darb’oħra l-kuntratti ta’ dan il-proġett flimkien ma’ dak ta’ San Luqa ma kinux ippubblikati. Nistennew li dan jiġri fl-2017.
Sena deċiżiva għall-‘famuż’ proġett ta’ Sadeen
John Ryder, li se jkun qed imexxi l-Università Amerikana f’Malta bħala rettur, qal lill-gazzetta The Times f’Settembru 2016 li l-ewwel studenti se jkunu qed jibdew il-korsijiet tagħhom fil-bini restawrat apposta f’Bormla, f’Awwissu li ġej.
Huwa mistenni li għall-ewwel kors jaslu pajjiżna 330 student. Jekk dan il-proġett jirnexxi, politikament din tkun kisba kbira għall-Gvern li affaċċja kritika qawwija dwar dan il-proġett. Jekk ifalli, ikun konferma li din ta’ Sadeen ma kienet xejn għajr qassata, li swiet biss biex tbenġel lill-Partit Laburista.
Anke hawn, il-kuntratti ma’ Sadeen, li se jiżviluppa l-art taż-Żonqor, għadhom ma ġewx ippubblikati.
Antiporta dinjituża lill-belt kapitali
L-2017 għandha tara l-bidu u t-tlestija tal-proġett li fil-fatt ix-xogħol beda s-sena l-oħra fuqu, jiġifieri dak ta’ barra bieb il-belt.
Dan il-proġett mhux biss huwa wieħed mistenni ħafna però kien ilu jinħass il-bżonn tiegħu, hekk kif id-daħla tal-Belt kienet kakofonija ta’ imbarazz, ħmieġ, telqa u ntejjen.
Fit-tieni jum tal-2017 bdew jitwaqqgħu l-gabbani, bix-xogħol fiż-żona tal-lukanda Phoenicia u mad-dawra ta’ Kristu Re jinsabu fi stadju avvanzat.
Il-proġett mistenni jkun lest din is-sena, eżatt qabel ma jiftaħ is-separju fuq Valletta 2018.
Ħajja jew mewt għall-Air Malta
L-2017 tista’ tkun sena kruċjali ħafna għal-linja nazzjonali tal-ajru, l-Air Malta. Kollox qed jindika li l-Prim Ministru se jkun qiegħed iwaqqaf in-negozjati mal-Alitalia, xi ħaġa li kienet żvelat din il-gazzetta u li qed tirriżulta aktar fi prospett reali, hekk kif l-Alitalia għadha kif ħabbret programm ta’ ristrutturar li jista jħalli 2,000 persuna barra mix-xogħol.
L-ILLUM kienet irrapurtat kif Muscat se jmur għall-Pjan B. Il-Ministru tat-Turiżmu Edward Zammit Lewis ħalef li kemm idum Ministru l-Airmalta tibqa’ ttir.
L-2017 għandha tkun interessanti fis-sens li probabbilment in-negozjati bejn l-Alitalia u l-Airmalta jiġu fi tmiemhom u jkun żvelat il-Pjan B għall-Airmalta.
It-temperatura politika tibda tiela
Minkejja li din il-gazzetta kienet żvelat li l-elezzjoni ġenerali taf issir wara l-Presidenza u għalhekk fl-2017, fl-aħħar xhur tal-2016 Joseph Muscat semma l-2018 bħala s-sena tal-elezzjoni, minn tal-anqas f’żewġ okkażjonijiet separati.
Dan ifisser allura li fl-aħħar xhur tal-2017, speċjalment wara l-baġit, tibda tiela t-temperatura politika waħda sew. Jibdew l-attivajiet, jiżdied il-kontenut politiku fuq l-istazzjonijiet politiċi, kull Ministru jibda jmur jiftaħ ’l hawn u ’l hemm u d-diskors fit-toroq jerġa’ jibda jaqa’ fuq il-politika.