Il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May mistennija tikkonferma l-ħruġ totali tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, b’insistenza li tinżamm relazzjoni ta’ ħbiberija ma' kull pajjiż fl-Ewropa.
F’diskors li se tagħmel May aktar tard dalgħodu, li fih se tispejga t-12-il priorità tad-“divorzju” tar-Renju Unit minn mal-UE, May jingħad li se tikkonferma li r-Renju Unit mhux iħares lejn qbil mal-UE li se jħalli r-Renju Unit “nofsu barra u nofsu ġewwa”
Fid-diskors tagħha quddiem delegati u ambaxxaturi minn madwar id-dinja kollha, May se tagħfas fuq l-ambizzjoni tagħha dwar sħubija ma’ kull pajjiż lill hinn mill-Unjoni, hekk kif tisħaq li minkejja t-tibdil fid-dazji li l-ħruġ mill-UE se jġib, trakkijiet tal-merkanzija minn kull pajjiż tal-Ewropa se jkunu jistgħu jibqgħu jgħaddu minn Dover u l-portijiet l-oħra tar-Renju Unit mingħajr ebda problema jew restrizzjoni.
“Qed infittxu tip ta’ sħubija ġdida, ekwa u indipendenti bejn il-pajjiżi kollha u l-alleati fl-Ewropa ma' Renju Unit indipendenti,” se tkun qed tgħid May, skont informazzjoni li ħareġ l-uffiċċju tagħha qabel id-diskors uffiċjlali li se tagħmel aktar tard.
Mill-informazzjoni li ħarġet s’issa bil-quddiem tad-diskors ta’ May, ma ħarġux dettalji eżatti dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali jew dwar it-12-il priorità li se tippropni. Minkejja dan, il-Media Ingliza qed tipprevedi li l-prioritajiet se jinkludu kontroll fuq l-immigrazzjoni, it-tneħħija tar-Renju Unit mill-ġuriżdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea, sigurtà tad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE fir-Renju Unit u ż-żamma tad-drittijiet kollha tal-ħaddiema.
May se tgħid li dawn in-negozjati se jkunu mmexxija minn prinċipji ta’ “ċertezza u kjarezza; Renju Unit aktar b’saħħtu, ġust u verament globali”.
May se toffri viżjoni aktar pożitiva tas-sitwazzjoni lill-pajjiżi l-oħra tal-Ewropa. “Il-vot tagħna biex noħorġu mill-UE ma kien b’ebda mod rifjut tal-valuri li kollha kemm aħna nħaddnu. Id-deċiżjoni li noħorġu mill-UE ma tfissirx li rridu nitbiegħdu minn ebda wieħed mill-pajjiżi l-oħra, ħbieb u ġirien tagħna. Aħna se nkomplu nkunu sħab, alleati u ħbieb ta’ kullħadd,” se tkun qed tgħid May.
“Aħna rridu nixtru l-prodotti tagħkom, u nbiegħulkom tagħna b’mod mill-aktar liberu u naħdmu flimkien sabiex kollha flimkien inkunu aktar siguri, permezz tal-ħbiberija ta' bejnietna.”