Aġġornata | Luciano Busuttil akkużat mill-PN b'abbuż ta' poter

Il-PN jakkuża lid-Deputat Laburista Luciano Busuttil b'abbuż ta poter wara li dan kellu l-badge blu li tingħata lil persuni b’diżabilità biex ikunu jistgħu jipparkjaw, meta ma kellux dritt għaliha

Fi stqarrija tal-Partit Nazzjonalista, mibgħuta minn Robert Cutajar, il-kelliem għall-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal, l-Anzjani u l-Persuni b’Diżabilità, il-PN akkuża lill-Gvern li qiegħed jabbuża mill-vulnerabilità tal-persuni b’diżabilità.

Dan fid-dawl ta' konferma li d-Deputat Laburista Luciano Busuttil kellu l-badge il-blu li tingħata lil persuni b’diżabilità biex ikunu jistgħu jipparkjaw, meta ma kellux dritt għaliha. "Dan hu insult mhux biss għall-persuni b’diżabilità, iżda għas-sewwieqa kollha f’pajjiżna li jaħlu l-ħin ifittxu parking." isostni l-PN

Il-PN jisħaq li dak li nqabad bih Luciano Busuttil huwa inaċċettabbli, speċjalment bħala politiku li suppost jagħti l-eżempju lil ħaddieħor. "L-uniku eżempju li qed jagħti Luciano Busuttil hu dak ta’ abbuż sfaċċat tal-poter." isostni l-PN

Il-Partit Nazzjonalista jirrikonoxxi l-ħidma tal-Kummissjoni Nazzjonali ta’ Persuni b’Diżabilità li malli ġie żvelat dan il-każ, ħatret inkjesta li wasslet biex f’temp ta’ jumejn ittieħdu l-passi kontra Luciano Busuttil.

Luciano Busuttil: Il-Blue Badge ingħatat lil marti wara inċident li ħalliha diżabbli

Fi stqarrija ulejla d-Deputat Laburista Luciano Busuttil ċaħad bil-qawwa li hu kien fil-pussess ta Blue Badge li mhux sippost kellu. Hu saħaq illi l-Blue Badge ngħatat lil mara tiegħu, erba’ snin ilu wara li hija kellha aċċident bil-karozza li ħalliha diżabbli.

'Din il-Blue Badge kienet valida għal sentejn,' sostna Busuttil li spjega kif  wara li għaddew is-sentejn, reġa’ ġie rivedut il-każ tal-mara tiegħu mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabiltà fejn anke kienet invistatha mit-tabiba tal-istess Kummissjoni biex sussegwentament kienet imġedda l-użu ta’ din il-bagde.Preżentament il-Blue Badge għadha valida, iżda min jeddha l-mara tiegħi se tkun qed titlob re-assessment,'  spjega Busuttil.

More in Politika